Lokali

Is-settur tal-avjazzjoni għandu l-potenzjal li jikber

Is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna għandu l-potenzjal li jkompli jikber, hekk kif il-kumpaniji f’dan is-settur jistennew li pajjiżna jkompli jagħmel passi ‘l quddiem biex anke fis-settur tagħhom, huma jkunu jistgħu jkomplu javvanzaw.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi tmiem żjara lill-kumpanija Vistajet, fl-istabbiliment Skyparks, f’Ħal Luqa. Il-kumpanija għandha 65 ajruplan u tagħti servizzi ta’ vjaġġar lill-klijenti madwar id-dinja.

Simon Busuttil qal li dawn it-tip ta’ kumpaniji huma r-riżultat tal-viżjoni li kellu l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, jiġifieri li jisfrutta l-potenzjal li għandu pajjiżna. Spjega li s-suċċess tas-settur tal-avjazzjoni kien ibbażat fuq is-suċċess tas-settur marittimu, li wkoll wassal għal riżultati konkreti.

Simon Busuttil kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, mix-Shadow Minister għat-Trasport Marthese Portelli, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Manifattura Robert Arrigo, mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Aaron Micallef u mill-President tal-Forum SMEs Partit Nazzjonalista Andre’ Grech.