Alfred Mifsud, id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, u l-persuna magħżula minn Joseph Muscat biex tkun hi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, għandu jissospendi lilu nnifsu fid-dawl tal-investigazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu, wara allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus.
Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Beppe Fenech Adami qal li l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud qed jagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’mod speċjali fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Beppe Fenech Adami fakkar li l-Pulizija kkonfermat li qed tinvestiga l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud, wara li l-eks sieħba tiegħu għamlet allegazzjonijiet serji li kien jieħu somom kbar ta’ flus kontanti minn negozjant Malti, meta kien Chairman tal-Mid Med Bank fi żmien Gvern Laburista. “Hawnhekk qed nitkellmu dwar allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus,” qal Beppe Fenech Adami.
Hu sostna li huwa pass tajjeb li l-Pulizija qed tagħmel din l-investigazzjoni, filwaqt li sejjaħ biex din l-investigazzjoni tingħata l-importanza meħtieġa fid-dawl tar-riperkussjonijiet li dan l-iskandlu qed iħalli fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Beppe Fenech Adami nsista wkoll li ladarba l-Pulizija qed tinvestiga lil Alfred Mifsud – li hu pass tajjeb – għandha tinvestiga wkoll liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi li hemm allegazzjonijiet serji fil-konfront tagħhom ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. “L-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi huma simili ħafna ta’ dawk fil-konfront ta’ Alfred Mifsud. X’qed iżomm lill-Pulizija milli tinvestiga lill-id il-leminija u l-id ix-xellugija tal-Prim Ministru?” staqsa Beppe Fenech Adami.
Minn naħa tagħha, l-Kelliema tas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono rreferiet għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fl-istqarrija ministerjali lbieraħ filgħaxija fil-Parlament, li sostna li l-opinjoni tiegħu dwar jekk Alfred Mifsud għandux jissospendi lilu nnifsu mill-kariga għolja li jokkupa fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, hija irrelevanti. “Għandna Ministru tal-Finanzi li għandu jifhem li l-opinjoni tiegħu hija relevanti ferm u li għandu l-obbligu li jiddefendi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u jgħid li dak li jaħseb li hu importanti,” qalet Kristy Debono.
Kristy Debono rreferiet għall-kummenti li għadda l-istess Edward Scicluna mal-media, fejn ikkonferma li dan l-iskandlu saħansitra wasal fil-livell tal-Bank Ċentrali Ewropew, tant li saru laqgħat proprju dwar dan. Hi qalet li din it-tip ta’ ħsara lil pajjiżna qed issir għaliex l-għażliet ta’ Joseph Muscat dejjem ikunu ħżiena. Hi fakkret li ħafna mill-għażliet ta’ Joseph Muscat huma ħżiena, u li qed jagħmlu ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Hi rreferiet għall-Private Member’s Bill li ressqet l-Oppożizzjoni lbieraħ, li qed tinsisti li l-persuna nominata biex tkun Gvernatur tal-Bank Ċentrali tkun soġġetta għal skrutinju quddiem Kumitat Parlamentari. Hi qalet li tistenna li l-Gvern, flok ikompli jilgħab bil-kliem, jaċċetta minnufih din il-liġi, biex ikun assigurat li l-persuna li tintgħażel tkun waħda idonea għal pajjiżna. “Jekk il-Gvern ma jaċċettax din il-proposta, jkun qed jikkonferma kemm ma jridx politika ta’ kunsens, iżda se jibqa’ jinsisti b’politika li tifred,” qalet Kristy Debono.
//= $special ?>