Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“Ejjew inħallu l-għalliema jkunu għalliema” – Comodini Cachia

“Jeħtieġ li nħallu l-għalliema jkunu għalliema. Irridu nagħtu s-setgħa lill-għalliema biex ikunu kreattivi, innovattivi u professjonali f’xogħolhom. Irridu nagħtu lill-għalliema dak li verament jeħtiġilhom; ir-rispett, il-fiduċja, l-appoġġ u l-iżvilupp professjonali kontinwu. Il-ħsieb ewlieni fil-politika Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ m’għandux ikun biss fuq l-impjiegi u l-impjegabilità tal-persuni iżda li noffru wkoll l-appoġġ lill-għalliema.”

L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan waqt dibattitu fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas tal-Istrateġija għall-Koperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020).

Comodini Cachia rrimarkat kif fl-istrateġija ET2020, l-Unjoni Ewropea għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi membri sabiex jipprovdu taħriġ kontinwu ta’ kwalità lill-għalliema, joħolqu stutturi li jagħtu appoġġ lill-għalliema u jafdawhom li kapaċi jindirizzaw bl-aħjar mod id-diversità fil-ħiliet u l-abbilitajiet li l-istudenti jippreżentawlhom. Il-pajjiżi membri għandhom jipprovdu lill-għalliema bl-għodda u l-materjal edukattiv li jiffaċilitaw b’mod effettiv it-tagħlim. Therese Comodini Cachia appellat għat-tneħħija tal-burokrazija amministrattiva u s-sorveljanza żejda ħalli l-għalliema jkunu jistgħu jiffokaw fuq it-tagħlim.

Hija qalet li “l-aktar importanti huwa li nirrikonoxxu li l-għalliema huma msieħba ewlenin fl-investiment tal-kapital uman (l-edukazzjoni), li lkoll naqblu li huwa l-ikbar investiment għal soċjetà aktar ġusta u Ewropa iżjed b’saħħitha. Ħafna mill-għalliema, huma l-enerġija li tindirizza lis-soċjetà tal-lum, bl-uċuħ u l-isfidi kollha differenti li toffri. Għalhekk għandna ninvestu aktar fl-għalliema biex ikunu minn ta’ quddiem fis-soċjetà u l-Ewropa li qed naspiraw għaliha.”

Therese Comodini Cachia hija membru tal-Kumitat għall-Edukazzjoni u l-Kultura (CULT) fil-Parlament Ewropew u hija wkoll ix-shadow minister tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.