Internazzjonali

Ħarsa lejn il-Brexit…ir-Referendum UE 2016

Il-Vot dwar il-Brexit - Mill-Arkivji

Għaliex qed isir dan ir-referendum?
Il-Prim Ministru David Cameron, kien wiegħed li jagħti dan il-vot lill-Britanniċi f’każ ta’ rebħa fl-elezzjoni ġenerali tal-2015, kif fil-fatt seħħ. Dan wara li deputati parlamentari tal-Partit Konservattiv tiegħu u l-Partit UKIP argumentaw li r-Renju Unit ‘kien ilu ma jsemma’ leħnu dwar l-Ewropa’ mindu sar il-vot, fl-1975, biex il-Britanniċi jkomplu bis-sħubija.

X’inhi l-mistoqsija tar-referendum?
Il-mistoqsija għall-Britanniċi hi “Should the United Kingdom remain a member of the European Union or leave the European Union?”

Xi jfisser ‘Brexit’?
‘Brexit’ hi kelma fil-qasir li tirreferi għall-proċess tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE. Il-kelma proprja (‘Brexit’) hi taħlita tal-kliem ‘Britain’ u ‘exit’.

Min jista’ jivvota?
Iċ-ċittadini Britanniċi, Irlandiżi u tal-Commonwealth li għandhom aktar minn 18-il sena u li huma residenti fir-Renju Unit, flimkien man-nazzjonali Britanniċi li jgħixu barra u li ilhom l-aħħar 15-il sena mniżżlin fir-reġistru elettorali fir-Renju Unit. Il-membri tal-House of Lords u ċittadini f’Ġibiltà wkoll huma eliġibbli biex jivvutaw – kuntrarju għal waqt elezzjoni ġenerali.

L-isforzi ta’ Cameron fl-UE?
Il-Prim Ministru Cameron ipprova jiffissa ftehim mal-mexxejja l-oħra tal-UE biex jinbidlu t-termini tas-sħubija Britannika mal-grupp ta’ pajjiżi. Hu jgħid li l-ftehim, li jidħol fis-seħħ immedjatament jekk ir-Renju Unit jivvota biex jibqa’ fl-UE, jagħti lil pajjiżu ‘status speċjali’ fl-Unjoni filwaqt li ‘jirranġa wħud mill-affarijiet li l-Britanniċi ma jogħġbuhomx dwar l-UE’, fosthom il-livelli għoljin tal-immigrazzjoni u l-fatt li naqsitilhom il-kapaċità biex imexxu l-affarijiet tagħhom.

Min irid li r-Renju Unit jitlaq mill-UE?
Il-UKIP (United Kingdom Indipendence Party) immexxi minn Nigel Farage li rebaħ l-aħħar elezzjonijiet Ewropej fir-Renju Unit u kiseb kważi erba’ miljun vot fl-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju, qed jaħdem biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE. Madwar nofs id-deputati parlamentari Konservattivi, fosthom ħames ministri tal-Kabinett, flimkien ma’ diversi deputati Laburisti u d-DUP (Democratic Unionist Party) ukoll huma favur il-‘Brexit’.

Min hu favur is-sħubija fl-UE?
Il-Prim Ministru David Cameron irid li r-Renju Unit jibqa’ bħala membru fl-UE u f’dan il-każ għandu l-appoġġ ta’ 16-il membru tal-Kabinett tiegħu. Il-Partit Konservattiv fil-Gvern wiegħed li jibqa’ newtrali fil-kampanja, iżda l-Partit Laburista, Scottish National Party, Plaid Cymru ta’ Wales u l-Liberali Demokratiċi huma kollha favur is-sħubija fl-UE. Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, u pajjiżi oħrajn bħal Franza u l-Ġermanja wkoll qed jappellaw biex ir-Renju Unit ma jħallix il-grupp ta’ pajjiżi.

Meta u kif se jitħabbru r-riżultati?
L-għadd tal-voti jibda wara l-għeluq tal-votazzjoni, ftit qabel nofsillejl, fit-382 ċentru madwar ir-Renju Unit. Ir-riżultati lokali jitħabbru ladarba l-għadd ikun konkluż u qabel ir-rikonċiljazzjoni minn 12-il ċentru reġjonali. Wieħed jistenna li, fis-sigħat bikrin tal-24 ta’ Ġunju, wieħed ikollu idea ċara dwar kif żvolġiet il-votazzjoni u sakemm counting officer ewlieni jħabbar ir-riżultat finali fit-Town Hall ta’ Manchester.

Vot bla preċedent
L-ebda stat ma telaq mill-UE iżda Greenland, wieħed mit-territorji tad-Danimarka lil hinn minn dan il-pajjiż Skandinavu, kien organizza referendum, fl-1982, wara li kiseb livell ogħla ta’ awtonomija u fih il-vot ‘favur it-tluq mill-UE’ kien ta’ 52 kontra 48 fil-mija. Fil-fatt, Greenland wasal biex ħareġ mill-Unjoni wara perjodu ta’ negozjati.