Id-dewmien u n-nuqqas tal-Gvern li għadu ma lestiex l-aġġornamenti meħtieġa tal-pjani lokali qed iwassal għal ammont qawwi ta’ spekulazzjoni, qed titqajjem sitwazzjoni perikoluża u aktar mal-Gvern se jdum akbar se tkun l-ispekulazzjoni u akbar se tkun il-pressjoni biex dawn il-pjani jinkludu proġett jew ieħor.
Din it-twissija lill-Gvern għamlitha fil-Parlament ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, fid-dibattitu dwar l-estimi tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Marthese Portelli fakkret li għaddiet sena minn meta kellhom jitlestew il-pjani lokali u dawn għadhom ma ġewx aġġornati. Fakkret ukoll li meta saret mistoqsija minn ġurnal fi Frar li għadda, il-kelliema tal-Gvern qalu li mhux se jagħtu data għaliex hemm ħafna kwistjonijiet kumplikati.
Hi qalet li dan in-nuqqas qed iwassal għal ammont qawwi ta’ spekulazzjoni u qed titqajjem sitwazzjoni perikoluża. “Hemm żviluppaturi li qed jipproponu proġetti li jirrispettaw il-pjani lokali filwaqt li oħrajn qed joħorġu bi proposti li jinkludi x’għandu jkun hemm fil-pjan lokali. Sitwazzjoni li toħloq nuqqas ta’ ċertezza anki għall-iżviluppaturi.”
Il-Pjani lokali jridu jkunu bbażati fuq l-interess nazzjonali u fl-aħjar interess taċ-ċittadini
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport saħqet li “l-Pjani lokali jridu jkunu bbażati fuq l-interess nazzjonali u l-aħjar interess taċ-ċittadini u mhux biex jakkommodaw proġett jew ieħor.”
Marthese Portelli qalet li din l-ispekulazzjoni trid tinqata’ llum qabel għada u iktar mhu se jdumu l-pjani lokali, iktar se ssir din l-ispekulazzjoni u pressjoni biex dawn il-pjani jinkludu proġett jew ieħor.
Dwar dan, Marthese Portelli qalet li l-Gvern għandu jispjega liema organizzazzjonijiet huma rappreżentati fil-kumitat tal-utenti u fuq liema kriterji ntgħażlu l-individwi. Dan sabiex ikun iċċarat jekk l-entità għażlet liberament min jirrappreżentaha jew l-individwu intgħażel mill-Gvern.
Saħqet li l-miri tal-Awtorità tal-Ippjanar għandhom ikunu tlieta: il-pajjiż ikun żviluppat b’mod ħolistiku, l-ambjent ikun mħares u riġenerat, u li jkun hemm l-apprezzament tal-ħaddiema li jaħdmu taħt pressjonijiet kbar li ġejjin minn kullimkien.
Fissret ukoll li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent għandhom jaħdmu flimkien u jikkumplimentaw lil xulxin, u waħda m’għandhiex tkun iktar b’saħħitha mill-oħra.
L-iSPED jagħti lill-Gvern ħafna spazju biex jagħmel li jrid
Hi qalet li s-suċċess tal-Awtorità jiddependi mir-rieda politika li jinstab il-bilanċ korrett. L-Iżvilupp hu importanti imma l-protezzjoni tal-ambjent hu daqstant ieħor importanti. Hu importanti li ż-żewġ awtoritajiet ikun fuq livell indaqs.
L-Awtorità tal-Ippjanar għandha għadma iebsa li trid iżżomm ir-riedni, speċjalment meta wieħed jara l-iSPED li jagħti lill-Gvern ħafna spazju biex jagħmel li jrid.
“Hu hawnhekk fejn l-Awtorità trid turi l-awtonomija tagħha,” sostniet Marthese Portelli li kompliet li l-kumitati u bordijiet li jagħtu pariri lill-Awtorità tal-Ippjanar huma maħtura mill-Gvern. Anki l-Kumitat Eżekuttiv hu magħmul minn nies ixaqilbu lejn il-Gvern.
Saħqet li r-rwol tal-Awtorità hu li jippriservaw l-art u l-baħar għall-ġenerazzjoni tal-lum u dik futura.
//= $special ?>