Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ lill-Kummisarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-Ikel Vytenis Andriukaitis

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ fl-uffiċċju tal-Oppożizzjoni fil-Parlament lill-Kummisarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-Ikel Vytenis Andriukaitis, li faħħar l-inizjattivi tal-Oppożizzjoni fil-ħidma favur il-ħarsien tas-saħħa, fosthom bil-ġlieda kontra d-dijabete.

Matul il-laqgħa, Simon Busuttil sostna li l-kundizzjoni tad-dijabete tħalli effett enormi fuq il-poplu Ewropew u għalhekk hemm bżonn li ssir ħidma siewja għar-riċerka tal-kura għal din il-kundizzjoni. Għal dan il-għan, il-Partit Nazzjonalista wettaq ħidma kontinwa li tagħti prijorità lid-dijanjożi u t-trattament tad-dijabete, hekk kif l-Oppożizzjoni dejjem ħadmet favur ħajja sana.

Simon Busuttil kompla li l-Partit Nazzjonalista dejjem stinka favur il-ħarsien tal-animali, anke mill-Oppożizzjoni, tant li ftit tal-ġimgħat ilu ppreżenta Abbozz ta’ Liġi kontra l-moħqrija u favur l-annimali.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Ewropew qal li hu importanti li l-ħidma għal ħajja sana tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista għax hi tema li tgħaqqad kull fehma politika. Kompla li l-ħarsien għall-ħajja għandha tkun il-ħidma tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll ix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Marthese Portelli, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, kif ukoll id-Deputati Nazzjonalisti Mario Galea u Robert Cutajar.