Il-Parlament Ewropew approva l-lista tal-MEPs li se jifformaw il-Kumitat li se jinvestiga l-effett tal-Panama Papers fuq l-Unjoni Ewropea. Huma mistennija janalizzaw jekk il-persuni involuti kisrux il-Liġijiet Ewropej b’ħasil ta’ flus u evażjoni tat-taxxi.
Dwar dan, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li l-Kumitat għandu jiffoka l-aktar biex jindirizza d-difetti fis-sistema tat-tassazzjoni li qed jabbużaw minnha il-persuni involuti.
Dan hekk kif, minkejja l-Liġijiet aktar ħarxa li l-Unjoni Ewropea daħħlet is-sena li għaddiet, xorta għad hemm min joħloq manuvri suspettużi ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus. Għaldaqstant, sostna David Casa, li kieku ma kienux il-Panama Papers, dawn il-manuvri kienu jibqgħu mistura.
Casa kompla li fil-każ ta’ Malta, isem il-Ministru Konrad Mizzi fil-Panama Papers tefa’ lil pajjiżna kollu f’dawl ikrah. Spjega li sehem l-MEPs Maltin għandu jkun li juru lill-Unjoni Ewropea li l-azzjonijiet ta’ dawk f’Kastilja ma jaffettwawx fil-ħażin l-industrija tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta, li dejjem kellha reputazzjoni tajba.
David Casa temm jgħid li l-MEPs għandhom jaraw li jinħolqu l-miżuri addizjonali meħtieġa biex ikun evitat li persuni fil-poter u b’intenzjonijiet kriminali ma jagħmlux atti ħżiena u jibqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn.
Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola qalet li l-investigazzjonijiet li se jagħmel il-Kumitat Parlamentari mistennija jwasslu biex il-Gvern Malti jkun sfurzat jibgħat lill-Ministru Konrad Mizzi ħalli jixhed quddiem l-MEPs fil-Kumitat.
Dan meta, min-naħa tagħhom, mistennija jistaqsu dwar l-iskużi li ġab s’issa biex jipprova jispjega l-kumpanija li ħoloq fil-Panama meta kien diġà Ministru. L-investigazzjonijiet estensivi mistennija jinzertaw fil-perjodu li Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant, opportunità tad-deheb għal pajjiżna fuq quddiem fl-Unjoni Ewropea tista’ tkun imtappna minn dawk l-iżviluppi.
Roberta Metsola qalet li ħadd mhu se jieħu pjaċir b’dak li se jkun għaddej fil-Kumitat Ewropew għax isem Malta kollha se jkun f’dawl ikrah. Innutat kif Konrad Mizzi seta’ evita dan kollu billi irriżenja immedjatament, filwaqt li Joseph Muscat seta’ evita dan kollu wkoll kieku keċċa lil Mizzi. Iżda huma t-tnejn għażlu din it-triq għad-detriment ta’ pajjiżna.
Dwar il-ħolqien ta’ dan il-Kumitat, tkellmet ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia, li qalet li l-għan ewlieni tal-Kumitat hu li jinvestiga jekk il-leġislazzjonijiet Ewropej li jeżistu s’issa humiex jaħdmu sew jew għandhomx xi nuqqasijiet, kif ukoll jekk il-Kummissjoni Ewropea jew il-Membri Stati humiex jimplimentaw u jinfurzawhom.
Hi nnutat kif il-Panama Papers żvelaw kif b’dak li għamlu l-persuni tal-poter involuti, li ħbew id-dħul finanzjarju tagħhom f’ġurisdizzjonijiet sigrieti, ippruvaw jaħarbu mill-iskrutinju pubbliku u anke mill-obbligazzjonijiet fiskali.
Comodini Cachia qalet li l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri żgur li se jitfa’ l-attenzjoni fuq pajjiżna, hekk kif ħafna mistennija jistaqsu jekk il-Gvern Malti nnifsu hux kapaċi jinforza l-Liġijiet Finanzjarji bi prijorità.
Madankollu, hi nnutat kif l-azzjonijiet tal-membri involuti tal-Gvern m’għandhomx iħarbtu l-professjonaliżmu u l-proċess rett li jaħdmu bih l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna, li huma mmexxija minn persuni li jobdu l-Liġijiet bi professjonalità.
//= $special ?>