Illum fir-Renju Unit qed isir il-vot storiku dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea jew le. Din hi l-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni Ewropea li pajjiż se jivvota biex jara jekk għandux jibqa’ membru tal-UE jew le, u vot li jista’ jkollu riperkussjonijiet kemm għall-istess Renju Unit imma anki għall-bqija tal-Unjoni Ewropea, l-aktar mil-lat ekonomiku.
Matul il-ġurnata tal-Erbgħa saru l-aħħar sforzi kemm minn dawk favur is-sħubija, magħquda taħt il-kappa tar-‘Remain’ u mmexxija mill-Prim Ministru David Cameron, u dawk taħt il-kappa tal-‘Leave’ u mmexxija minn Nigel Farage, il-kap tal-partit UKIP, u Boris Johnson, l-eks Sindku ta’ Londra.
Kemm Cameron kif ukoll Jeremy Corbyn, il-kap tal-Partit Laburista, kif ukoll Tim Farron, il-kap tal-Liberali Demokratiċi, indirizzaw xi attivitajiet politiċi tal-kampanja Remain. L-istess għamlu Johnson u Farage, imma għal-Leave.
Fil-vot tal-lum, aktar minn 46 miljun persuna huma eleġibbli għall-vot.
Qabel il-qtil, il-ġimgħa li għaddiet, ta’ Jo Cox, Membru Parlamentari Laburista li kienet qed tgħin fil-kampanja biex ir-Renju Unit jibqa’ membru, il-Leave kellu vantaġġ tajjeb. Imma wara dan, il-folja nbidlet u r-Remain ħarġu fil-vantaġġ, għalkemm mhux b’wisq. Sal-bieraħ, bħala medja, dawk favur is-sħubija kellhom l-appoġġ ta’ madwar 45 fil-mija u dawk kontra ftit anqas, u dawk indeċiżi madwar 10 fil-mija; huma dawn tal-aħħar li x’aktarx jiddeċiedu x’jiġri mir-Renju Unit.
Il-votazzjoni tagħlaq madwar nofsillejl tal-Ħamis, u l-ewwel indikazzjoni ċara ta’ fejn ikun mar il-vot toħroġ madwar is-6 ta’ filgħodu tal-Ġimgħa.
Cameron għamilha ċara li jekk ikun vot favru il-Brexit – jiġifieri l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE – ma jistax ikun hemm ritorn lura. Dan peress li jekk ir-Renju Unit ikun irid jerġa’ jsir membru, ikun irid jaċċetta l-Ftehim ta’ Schengen u l-ewro fost il-kundizzjonijiet – u dawn kien baqa’ barra minnhom.
It-temi li ddominaw il-kampanja kienu l-ekonomija u l-immigrazzjoni.
//= $special ?>