Lokali

L-Enemalta qed tħallas il-flus biex tuża’ l-impjant tal-BWSC

L-Enemalta qed tħallas somma mhux magħrufa ta’ flus, possibbilment mijiet ta’ eluf ta’ ewro kuljum, lil Schanghai Electric biex tuża’ l-impjant tal-BWSC f’Delimara.

Hekk żvela l-ġurnal The Times of Malta f’artiklu, fejn intqal li minkejja li l-kumpanija ma qalitx kemm qed tħallas biex tuża’ l-impjant, il-ġurnal hu nfurmat li l-ħlasijiet li qed tagħmel l-Enemalta huma irrispettivament minn kemm il-kumpanija tuża’ t-turbini.

Mistoqsija jekk l-Enemalta hijiex qed tħallas aktar minn €40,000 kuljum, kelliem għall-kumpanija ċaħad u qal li din hi infomazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Enemalta qalet li minkejja li l-impjant inbigħ lil Shanghai Electric għal €100 miljun f’Diċembru 2014, hi kellha pussess tal-faċilità sakemm il-bidla tat-turbini lejn il-gass tkun lesta. Il-bidla kienet tieħu amdwar 12-il xahar.

Minbarra li xtrat 90% tal-impjant tal-BWSC, Shanghai Electric daħlet f’impenn li tinvesti €70 miljun biex tikkonverti t-tmien turbini tad-diesel ħalli jaħdmu bl-LNG. Minħabba li l-proġett issa mhux se jitlesta fil-ħin, l-Enemalta qed tikri l-erba’ turbini l-oħra li jiġġeneraw elettriku permezz tal-heavy fuel oil.

Wara li ċ-Ċiniżi xtraw 33% tal-ishma fl-Enemalta, l-impjegati kollha kienu trasferiti għal kumpanija governattiva ġdida: l-Engeneering Resources Ltd. Imbagħad, l-Enemalta qed tikri lill-ħaddiema li għandha bżonn minn din il-kumpanija tal-istat biex tnaqqs l-ispejjeż tal-pagi.