Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea enfasizza fil-Palament fuq l-importanza tal-pjani lokali bħala għodda importanti fl-amministrazzjoni ta’ pajjiżna, iżda staqsa għaliex qed isir Master Plan għal xi lokalitajiet waħedhom u l-pjani lokali mhux qed jibqgħu aġġornati.
Fid-dibattitu dwar l-estimi tal-Awtorità tal-Ippjanar, id-Deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-preżenza tal-kunsilli lokali waqt id-diskussjonijiet marbuta ma’ proġetti fil-lokalitajiet, u qal li filwaqt li din mhix xi ħaġa ħażina, ma rridux nilludu ruħna li kunsill lokali se jkun jista’ jwaqqaf xi proġett.
“Anzi, nistgħu niġu f’sitwazzjoni fejn kunsill jiġi akkużat li jkun hu li ta l-go-ahead”, kompla Ċensu Galea. Hu qal li għandu jkun hemm żmien biżżejjed biex il-Kunsill jilħaq jiddiskuti proġett f’livell ta’ kunsill u tittieħed pożizzjoni komuni qabel ma jsiru d-deċiżjonijiet.
X’sar mill-policies dwar shooting ranges, kmamar tan-nar u reklamazzjoni tal-art?
Dwar policy tal-imwejjed u siġġijiet barra, il-Kelliem dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u Investimenti tal-Gvern appella biex ma jintesewx residenti fil-lokalitajiet fejn ikun hemm dawn it-tip ta’ żvilupp. Ċensu Galea saħaq u appella dwar il-bżonn ta’ bilanċ.
Hu staqsa x’sar mill-policies dwar shooting ranges, kmamar tan-nar u reklamazzjoni tal-art.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-isfidi tal-ippjanar jibqgħu diffiċli iżda jeħtieġ sforz kollettiv minn kull min hu involut sabiex l-2016 tkun is-sena bażi li fuqha l-poplu Malti jindirizza kwistjonijiet kbar ta’ ippjanar u ambjent.
Solidarjetà mal-ħaddiema li spiċċaw f’rokna u mhux utilizzati wara l-qasma tal-MEPA
Ċensu Galea irringrazzja lill-ħaddiema tal-Awtorità u wera solidarjetà mal-ħaddiema li spiċċaw f’rokna u mhux utilizzati wara li seħħet il-qasma tal-MEPA.