Permezz ta’ numru ta’ liġijiet li ressqet fil-Parlament, fost l-oħrajn dik dwar stil ta’ ħajja b’saħħitha, kif ukoll dwar il-ħarsien tal-annimali, l-Oppożizzjoni qed turi kemm hi effettiva u b’saħħitha, u li kapaċi tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel Vytenis Andriukaitis.
Simon Busuttil qal li matul l-aħħar tliet snin, il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni kien attiv ħafna, fost l-oħrajn, bit-twaqqif ta’ Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabete’. Hu ħeġġeġ lill-Kummissarju Ewropew biex ipoġġi d-dijabete’ bħala prijorità fuq livell Ewropew. “Għalfejn għandu jkun hemm 28 pajjiż differenti jagħmel riċerka b’mod separat, meta r-riżorsi jistgħu jingħaqdu?” staqsa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ppreżenta lill-Kummissarju Ewropew kopja tal-Liġi dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx, li tressqet mill-Oppożizzjoni u ġiet approvata mill-Parlament aktar kmieni din is-sena. Din kienet l-ewwel darba li liġi sħiħa ġiet imressqa mill-Oppożizzjoni f’Malta, u l-ewwel waħda tat-tip tagħha fl-Ewropa.
Dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-ħarsien tal-annimali, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan is-suġġett huwa wieħed importanti għall-bosta Maltin u Għawdxin li għandhom għal qalbhom il-ħarsien tal-annimali.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar ir-referendum li qed isir fir-Renju Unit, u qal li hu jittama li l-poplu Ingliż jivvota biex l-Ingilterra tibqa’ parti mill-familja Ewropea. “Jekk il-poplu Ingliż jivvota bil-kontra, ma nistgħux naħlu aktar ħin, iżda rridu nassiguraw kif ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini Ewropej se tissaħħaħ, darba għal dejjem. Tkellimna wisq għal ħafna żmien, iżda nħoss li sar ftit wisq,” qal Simon Busuttil.
Minn naħa tiegħu, l-Kummissarju Ewropew Andriukaitis faħħar il-liġi li ppreżentat l-Oppożizzjoni dwar stil ta’ ħajja b’saħħitha. Hu tkellem dwar il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea li s-sena d-dieħla se tkun immexxija minn Malta, u qal li dan hu mument importanti għal Malta li se tkun qed tokkupa din il-kariga importanti għall-ewwel darba. Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni qed tappoġġja lill-Gvern fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli, l-Kelliem tad-Drittijiet tal-Annimali Mario Galea, il-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar, u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.
//= $special ?>