Lokali Parlament

Reazzjoni minn Emmanuel Camilleri u martu wara l-pożizzjoni tal-Ministru Owen Bonnici

Il-pożizzjoni li ħa l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Gvern Laburista fil-konfront tal-każ tal-inġustizzja li sofra Emmanuel Camilleri wasslet għal reazzjoni qawwija mill-istess Camilleri u minn martu Desiree. Reazzjoni li turi l-weġgħa li l-familja qed tħoss quddiem in-nuqqas ta’ kompassjoni tal-Ministru Bonnici u l-Gvern Laburista.

Fuq Facebook, Emanuel Camilleri qal li jrid jikkoreġi lill-Ministru Owen Bonnici, filwaqt li sostna li kien jistenna li l-Ministru tal-Ġustizzja jiċċekkja dwar il-Każ Kostituzzjonali u mhux jipprova jikkonvinċi lin-nies li jaf fuq xhiex qed jitkellem meta fil-fatt ma jaf xejn.

Dwar il-Private Member’s Bill tax-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, Emmanuel Camilleri qal li din se tkun iċ-ċavetta biex il-Qrati jerġgħu jiftħu każi li fihom tkun saret inġustizzja.

Camilleri qal li din il-Private Member’s Bill messha kienet diġà ġiet diskussa sentejn ilu meta kien ressaqha Jason Azzopardi stess. Iżda minħabba l-għebusija tar-ras tal-Gvern, in-nuqqas ta’ simpatija u n-nuqqas ta’ kompassjoni dwar il-każ mill-Gvern, il-Ministru ma refax subgħa wieħed biex jikkoreġi din l-inġustizzja, sostna Emanuel Camilleri.

Hu kompla li tliet snin ilu kulma konna nisimgħu kien “Malta Tagħna Lkoll”, iżda issa qed naraw li Malta hi aktar tiegħek milli tiegħi. Appella lill-Ministru Owen Bonnici u lill-Gvern biex ikollhom kuxejnza, juru emozzjoni u jesprimu simpatija, filwaqt li jieqfu jkunu rshom iebsa ħalli jibdew jiddiskutu l-Private Member’s Bill tal-Oppożizzjoni mressaq minn Jason Azzopardi b’mod immedjat.

Min-naħa tagħha, mart Emmanuel qalet li l-Gvern qed juri kemm hu bla kuxjenza, filwaqt li stiednet lill-Gvern biex jifhem il-pożizzjoni tagħha billi għal ġurnata waħda biss jipprova jilbes iż-żarbun tagħha u tal-familja. B’hekk, il-Ministru Bonnici jkun jaf kif iħossu min ikun qed isofri minn inġustizzja, bħalma għaddejjin ħafna familji Maltin.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-pożizzjoni tal-Gvern Laburista u tal-Ministru Owen Bonnici tikkonferma kemm dan hu Gvern tal-inġustizzji għax qed jagħżel konxjament li ma jħallix lill-Oppożizzjoni tressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi fi stadju tal-Ewwel Qari. B’hekk, il-Gvern qed jassigura li min qed isofri inġustizzja, jibqa’ jsofrieha.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni ressqet l-Abbozz ta’ Liġi, li hu kbir fl-umanità, iżda l-Gvern qed jagħti dahru lil min sofra u għadu qed isofri inġustizzja.