Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Brexit: Kif se taffettwa lil Malta?

Id-deċiżjoni tal-poplu Britanniku li l-pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea mhux mistenni jkollha effetti fl-immedjat fil-maġġoranza tal-każi għal Malta. Dan għaliex biex id-deċiżjoni mir-Referendum tidħol fis-seħħ, trid tgħaddi minn proċess li jieħu mill-anqas sentejn, skont it-Trattat ta’ Lisbona.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat tratta numru ta’ setturi li hemm dubju dwarhom u dwar kif se jintlaqtu minn Brexit:

Il-VAT fuq l-Ikel u l-Mediċina: Sal-lum, pajjiżna m’għandux VAT fuq l-Ikel u l-Mediċina. Din mhux mistennija tinbidel għax pajjiżna għandu Deroga biex iżomm rata ta’ 0% f’VAT fuq dawn il-prodotti u konċessjoni permanenti bir-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Studenti Maltin fir-Renju Unit: Fir-Renju Unit hemm madwar 1,025 studenti Maltin li qed isegwu xi kors akkademiku. Għas-sentejn li ġejjin, dawn mhux mistennija jaraw bidla. Madankollu, malli r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, dawn jibdew jitqiesu bħala studenti minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, il-prezz tal-istudji tagħhom jirdoppja. Dan sakemm pajjiżna u r-Renju Unit ma jilħqux xi tip ta’ ftehim.

Persuni li jaħdmu fir-Renju Unit: Fir-Referendum tal-bieraħ kien hemm madwar 27,000 votant Malti, fosthom ammont kbir ta’ ħaddiema fir-Renju Unit. Is-sitwazzjoni tagħhom għas-sentejn li ġejjin mhux mistennija tinbidel, għalkemm mhux eskluż li mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jaraw żieda fl-isfidi.

Pazjenti li jirċievu kura medika fir-Renju Unit: Maltin li jintbagħtu lejn ir-Renju Unit minħabba mard li jbatu minnu u li f’pajjiżna m’hawnx professjonisti jew apparat mediku meħtieġ għall-kura tagħhom, kif ukoll Britanniċi li jiġu f’pajjiżna għall-istess għan, mhux se jaraw tibdil. Dan għaliex pajjiżna u r-Renju Unit għandhom ftehim bilaterali, li se jibqa’ fis-seħħ.

Pensjonijiet: F’pajjiżna għandna numru ta’ Maltin li jieħdu Pensjoni mir-Renju Unit u numru ta’ pensjonanti Ingliżi li jgħixu f’pajjiżna. Dwar dan hemm ftehim bilaterali li, madankollu, mhux fis-seħħ għax hemm ftehim ieħor mal-Unjoni Ewropea li jissupera l-ftehim bilaterali. Fl-immedjat, mhux se jkun hemm tibdil dwar dan, iżda wieħed għad irid jara jekk jintlaħaqx ftehim bejn Malta u r-Renju Unit qabel il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea. Madankollu, dawk li jirċievu l-Pensjoni bl-Isterlina, se jitilfu d-differenza fil-valur tal-munita.

Turiżmu: Il-bdil fir-rata tal-Isterlina mistennija taffettwa t-Turiżmu lejn Malta għax il-Britanniċi issa se jkollhom jonfqu aktar għall-istess pakkett ta’ vaganza. Madankollu, ħafna mit-Turiżmu lejn Malta jiġi ppjanat minn qabel u għalhekk, fl-immedjat, l-impatt mhux mistenni jkun daqshekk kbir. Il-Gvern Malti qed jiddiskuti mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) dwar it-Turiżmu mir-Renju Unit lejn Malta.

Kumpaniji li jesportaw lejn ir-Renju Unit: Il-Gvern Malti identifika ħames kumpaniji Maltin li jesportaw il-prodotti tagħhom kollha lejn ir-Renju Unit. Minħabba li waqa’ l-valur tal-Isterlina mal-muniti l-oħra kollha, fosthom l-ewro, dawn il-kumpaniji raw żieda ta’ madwar 10% fil-prezzijiet tal-prodotti tagħhom. Wieħed irid jara jekk il-valur tal-Isterlina hux se jibqa’ l-istess jew kif se jinbidel. Jekk il-valur jibqa’ hekk jew jiggrava aktar, il-Gvern mistenni jgħin lil dawn il-kumpaniji minħabba r-riperkussjonijiet.