Lokali

Ejja nħarsu l-interess nazzjonali tagħna – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista jpoġġi fuq quddiem l-interess tal-poplu Malti u l-interess ta’ pajjiżna, li hu li nibqgħu membri tal-Unjoni Ewropea.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-ewwel reazzjoni tiegħu u tal-Partit lill-mezzi tax-xandir waqt konferenza tal-aħbarijiet wara r-riżultat tar-Referendum tal-bieraħ fir-Renju Unit.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonlista qal li fid-dawl ta’ dak li ddeċieda l-poplu tar-Renju Unit fir-Referendum, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed joffri l-id tal-koperazzjoni lill-Gvern Malti biex jindirizza l-effetti li dan jista’ jkollu fuq pajjiżna.

Simon Busuttil qal li pajjiżna jrid ikun ippreparat f’każ ta’ kriżi, bħalma kien ippreparat fl-2008, biex l-effetti jkunu minimi. Spjega wkoll kif dan ir-riżultat juri kif l-Unjoni Ewropea qed tkun maqtugħa miċ-ċittadini, tant li naqset milli tieħu deċiżjoni dwar l-aktar affarijiet li jolqtu liċ-ċittadini.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu diġà laqqa lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista biex ikun diskuss ir-riżultat ta’ dan ir-Referendum, filwaqt li anke tkellem mal-Kummissarju Għoli Ingliż għal Malta u tennielu l-appoġġ assolut tal-Partit Nazzjonalista lejn ir-Renju Unit, anke f’dan il-mument tant kritiku.

It-Tnejn li ġej, Simon Busuttil se jkun Brussell biex, bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, li hu membru tal-Partit Popolari Ewropew, jiddiskuti mal-bqija tal-Mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew dwar l-futur tal-Unjoni Ewropea b’pajjiż membru anqas.