Internazzjonali

Filmat: David Cameron iħabbar li se jirriżenja minn Prim Ministru

Fil-kummenti tiegħu Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron qal li mhux se jkun il-persuna li jmexxi il-Gran Brittanja għall-ħruġ tagħha mill-UE. Dan qalu sagħtejn wara biss il-ħruġ tar-riżultat tar-referendum fejn ġie deċiż li l-poplu Britanniku jrid joħroġ mill-UE.

Ma kinitx deċiżjoni faċli li wieħed imur għal dan ir-referendum. Iżda minkejja r-riżultat nixtieq nirringrazzja lil dawk li vvutaw biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-UE. Dan qalu l-Prim Ministru Ingliż David Cameron hekk kif ftit tas-sigħat wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum indirizza lill-mezzi tax-xandir.

Cameron qal li fid-dawl tar-riżultat għalissa mhux se jkun hemm tibdil għal dawk iċ-ċittadini ewropej li jgħixu l-Ingilterra. Qal wkoll li issa r-Renju Unit mistenni jibda l-proċess mal-istituzzjonijiet ewropej biex eventwalment il-pajjiż ma jibqax membru tal-UE.

David Cameron qal li hu ilu Prim Ministru għal dawn l-aħħar 6 snin, snin li matulhom dejjem ħassu onorat li qed iservi lill-poplu Brittaniku u qal wkoll li jemmen li tul dawn is-snin saru affarijiet pożittivi li tejbu l-għejxien tal-poplu. U għal din ir-raġuni ried li mill-ġdid jinnegozja s-sħubija tar-Renju Unit tal-Unjoni Ewropea.

Fid-dawl tar-riżultat tar-referendum il-Prim Ministru Ingliż qal li jħoss li għandu jwarrab mill-kariga tiegħu biex iħalli l-futur tar-Renju Unit f’idejn ħaddieħor li qed jara l-futur tal-Brittaniċi barra l-Unjoni Ewropea kif inhi r-rieda tal-poplu. Ħabbar li elezzjoni biex jinħatar Prim Ministru ġdid mistennija ssir fi żmien tlett xhur u tul dak li perjodu hu kien se nibqa Prim Ministru.

Cameron sostna li d-deċiżjoni li ha l-poplu hi waħda b’saħħitha u trid tiġi rispettata minn dawk kollha li kienu parti mill-kampanja biex ir-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. Saħaq li minn naħa tieghu se jkun qed jagħmel minn kollox sabiex il-pajjiż jirnexxi f’dak li jixtieq li jkun il-futur tiegħu.