Il-proposti tal-Front Ħarsien ODZ dwar dak li ppropona il-PN dwar żvilupp f’żoni ODZ

Wara li l-Partit Nazzjonalista ħareġ bil-proposta biex l-approvazzjoni għall-iżvilupp f’żoni ‘l barra mill-iżvilupp (ODZ) issir b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament, diversi għadqiet ambjentali ħarġu bir-reazzjonijiet tagħhom. Issa kien imiss lill-Front Ħarsien ODZ biex joħroġ bir-reazzjoni dettaljata tiegħu tant li anke ħareġ b’diversi proposti ta’ kif il-Front jaħseb li dak li pproponiet l-Oppożizzjoni jista’ titjiet.

Fi stqarrija il-Front Ħarsien ODZ qal li proposta ta’ żvilupp f’art ODZ trid tgħaddi mill-Parlament b’vot ta’ żewġ terzi hu pass pożittiv u tista’ tkun garanzija addizjonali f’każi fejn żvilupp f’ODZ u approvat mill-Awtorita’ għall-Ippjanar iżda f’każ li l-PA (Planning Authority) tirrifjuta l-iżvilupp għallura vot fil-Parlament m’għandux jittieħed.
Proposta oħra li qed jagħmel il-Front Ħarsien ODZ hi li taħt l-ebda ċirkustanza il-vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament m’għandu jkun biżejjed biex ikompli l-proċess għal applikazzjonijiet fuq ODZ. Dan filwaqt li ssostni li jekk iż-żewġ terzi fil-Parlament ma jintlaħqux, wara t-3 vot, l-applikazzjoni għandha tiġi rifjutata u mhux tgħaddi b’maġġoranza sempliċi fil-Parlament.

Il-Front qed isostni li l-proċess għandu jikkumplimenta l-ISPED u l-proċess tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u li l-ISPED ikun policy aktar komprensiva, li l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent li jinkludi fih lis-Soċjeta Ċivili għandu jkun parti mill-proċess parlamentari.

Il-maġġoranza ta’ żewġ terzi għandha tapplika wkoll f’każ li ssir reviżjoni tal-applikazzjoni. Proċess ta’ konsulazzjoni nazzjonali, għandu jiddefinixxi l-parametri dwar x’tip ta’ proġetti f’ODZ jistgħu ikunu approvati.

L-aħħar proposta tal-Front Ħarsien ODZ hi li l-policies li hemm bħalissa dwar żviluppi f’ODZ għandhom jiġu riveduti.

Meta ħabbar din il-proposta l-Partit Nazzjonalista qal li jekk il-proposta tkun adottata b’mod ġust, se twassal biex jiżdied l-iskrutinju fuq proposti ta’ żvilupp f’art kbira li tkun ODZ, regolamenti oħra ta’ ppjanar u l-proċess tal-ippjanar innifsu.