B’riżultat ta’ 51.9 fil-mija kontra 48.1 fil-mija, fir-Referendum tal-bieraħ fir-Renju Unit, il-Britanniċi għażlu li jtemmu s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, li tmur lura għal 43 sena.
Ir-riżultati tal-vot storiku waslu wara xhur ta’ inċertezza u kampanji intensivi mill-kampijiet rivali tar-Remain u tal-Leave, bil-Britanniċi jwieġbu għall-mistoqsija jekk “Ir-Renju Unit għandux ikompli jew le bħala membru tal-Unjoni Ewropea”.
Wara dan ir-riżulta, issa hu mistenni li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jevalwaw ir-riperkussjonijiet tal-vot. Madankollu, analisti qed jgħidu li s’issa għadu diffiċli biex wieħed jevalwa eżattament x’impatt se jkun hemm għall-ekonomija globali u għall-Unjoni Ewropea nnifisha.
Sadanittant, fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal dan ir-riżultat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kiteb fuq Twitter li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea hu “aħbar ta’ tħassib għal kulħadd”.
Hu sejjaħ għal laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, filwaqt li sostna li l-Unjoni Ewropea trid tkompli taħdem magħquda f’dawn iċ-ċirkostanzi ġodda.