Il-vot tal-elettorat Britanniku biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea wassal biex il-valur tal-lira Sterlina jonqos b’mod drammatiku. L-impatt tal-waqgħa fil-valur kien tant li, għal perjodu, l-isterlina niżlet għall-ekwivalenti ta’ $1.3236; jiġifieri waqgħa ta’ aktar minn għaxra fil-mija għall-aktar livell baxx mill-1985.
Min-naħa tiegħu, il-Bank Ċentrali tal-Ingilterra qal li ‘qed isegwi l-iżviluppi mill-qrib’ u li ‘se jieħu l-passi neċessarji kollha’ biex jappoġġja l-istabbilità monetarja.
Filwaqt li l-inċertezza ma tirriflettix tajjeb fis-swieq, din hi l-proprja sitwazzjoni li qed jiffaċċjaw ir-Renju Unit, l-Ewropa u s-swieq tad-dinja wara l-vot għall-Brexit.
Dan meta t-theżżiż mill-vot biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE se jkompli jinħass għal xi żmien bil-prezzijiet taż-żejt ukoll jieħdu daqqa ’l isfel kbira, wara r-riżultat tar-referendum, u fejn il-Bent crude tilef 5.2 fil-mija mill-valur.