Internazzjonali

Il-Brexit jista’ jwassal għall-għaqda tal-Irlanda

Filwaqt li l-Brexit jista’ jwassal biex l-Iskozja titlaq mir-Renju Unit, dan il-vot jista’ jwassal għall-għaqda tal-Irlanda – l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda. Dan wara li anki fl-Irlanda ta’ Fuq, il-maġġoranza vvutat favru is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE imma issa se jkollha toħroġ minħabba l-vot tal-Brexit.
L-Irlanda ta’ Fuq hu l-unika parti tar-Renju Unit li għandha fruntiera ma’ pajjiż tal-UE.
Wara l-vot tal-Ħamis, Martin McGuinness, id- Deputy First Minister tal-Irlanda ta’ Fuq, ippropona referendum dwar l-għaqda tal-Irlanda.
Xi politiċi f’Belfast u Dublin spekulaw li aktarx wara li r-Renju Unit toħroġ mill-UE, se jkun hemm bżonn kontrolli tul il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi. L-Irlanda ta’ Fuq tingħata wkoll somom kbar ta’ flus mill-UE biex tiffinanzja proġetti b’appoġġ għall-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq.
Fl-Irlanda, il-Gvern ta’ Dublin qed ibassar li l-Brexit se jiswa l-pajjiż mat-tliet biljun ewro fis-sentejn li ġejjin b’impatt kbir fuq l-ekonomija u l-livell tal-għajxien fil-pajjiż.
Mhux qed ikun eskluż li l-vot jaffettwa l-proċess tal-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq li għadu fi stadju fraġli minkejja li l-ftehim sar fl-1994. L-hekk imsejħa partiti Protestanti u li dejjem kienu favur l-għaqda mar-Renju Unit kienu qed jappoġġjaw il-Brexit filwaqt li dawk bħas-Sinn fein mexxew kampanja favur is-sħubija.
Fl-Irlanda ta’ Fuq, 55.8 fil-mija vvutaw favur ir-Remain, jiġifieri li r-Renju Unit jibqa’ membru tal-UE.
F’Wales imbagħad, kien hemm maġġoranza li vvutaw favur il-Brexit, bi 52.5 fil-mija jappoġġjaw il-Brexit u 47.5 fil-mija favur is-sħubija.
Il-vot waddab dell fuq Ġibiltà, fejn il-Gvern Spanjol issa sejjaħ għal sovranità konġunta ta’ dan it-territorju. F’Ġibiltà, fejn jgħixu 30,000 persuna, 95.9 fil-mija vvutaw favur is-sħubija fl-UE. Għalhekk Spanja qed toffri li biex Ġibiltà tkompli tgawdi mill-vantaġġi tal-UE, it-tmexxija tagħha tinqasam bejn Londra u Madrid.