Bħal ma kien mistenni f’każ ta’ Brexit, l-Iskozja lesta torganizza referendum ieħor dwar l-indipendenza.
Nicola Sturgeon, il-First Minister tal-Iskozja u l-kap tal-Iscottish National Party (SNP), qalet li temmen li referendum ieħor dwar l-indipendenza kien probabbiltà kbira wara l-vot tar-Renju Unit biex il-pajjiż joħroġ mill-UE. Fl-Iskozja, il-maġġoranza vvutat biex ir-Renju Unit jibqa’ membru fl-UE. Hi qalet li mhux aċċetabbli li l-Iskozja tinħareġ mill-UE kontra r-rieda tagħha.
Sturgeon qalet li l-Gvern tagħha kien diġà beda l-proċess biex jgħaddi abbozz mill-Parlament Skoċċiż biex ikun hemm referendum ieħor, darba r-Renju Unit formalment jitlaq mill-UE.
Hi qalet ukoll li l-Gvern Skoċċiż talab għal taħditiet urġenti mal-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi membri tal-UE biex tagħmilha ċara li l-Iskozja riedet tibqa’ fl-UE. Imma Sturgeon ukoll kienet kawta dwar it-tieni referendum u qalet li t-tluq mir-Renju Unit kien proċess kumpless.
Fir-referendum, l-elettorat Skoċċiż ivvota bi 62 fil-mija favur is-sħubija fl-UE filwaqt li 38 qalu li riedu l-Brexit. Meta wieħed iqis ir-Renju Unit kollu, 52 fil-mija vvutaw favur il-Brexit u 48 fil-mija favur is-sħubija.
L-Iscottish Green Party – li għandu s-sitt Membri Parlamentari li huma kruċjali għall-SNP – ħabbar li kien se jagħti bidu għal petizzjoni biex iħeġġeġ il-Parlament Skoċċiż jesplora t-toroq kollha quddiem l-Iskozja wara l-vot tal-Brexit. L-SNP għandu żewġ siġġijiet anqas mill-maġġoranza assoluta u għalhekk l-appoġġ tal-Ħodor hu kruċjali.
L-Iskozja twitti t-triq għal referendum ieħor
