Il-Kap tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, talab biex l-Unjoni Ewropea ‘iżżomm l-għaqda bħala grupp ta’ 27 Stat’. Hu, intant, sostna li l-vot ‘storiku’ tar-Renju Unit biex jispiċċa mill-UE m’għandux jipprovoka reazzjonijiet isteriċi, waqt li esprima l-fiduċja fil-futur tal-Unjoni.
Madankollu Tusk għamilha ċara li ‘hu konxju minn dan il-mument serju u drammatiku minn lat politiku’ u li ma jeżistix mod kif wieħed ibassar il-konsegwenzi politiċi ta’ dan l-avveniment, ‘b’mod partikulari fir-rigward tar-Renju Unit’. Hu ipprova jaċċerta lil kulħadd li l-UE kienet lesta għal ‘dan ix-xenarju negattiv’ meta l-Unjoni tipprovdi l-qafas għall-futur komuni tal-Istati-membri kollha.
Tusk wiegħed ukoll li mhux se jiżviluppa ‘ħofra legali’ mis-sitwazzjoni u li l-liġi tal-UE fir-rigward ta’ drittijiet u obbligi se tkompli tapplika fir-Renju Unit sakemm dan il-pajjiż ikun ħareġ formalment mill-Unjoni.
Il-President ta’ Franza, Francois Hollande, qal li l-vot tal-Britanniċi biex jitilqu mill-UE għandu jservi bħala ‘theżżiża lill-Unjoni biex timplimenta l-bidliet profondi meħtieġa biex tindirizza l-problemi tagħha’. Hollande ukoll esprima n-niket għad-deċiżjoni dwar il-Brexit, iżda wissa lis-27 Stat membru tal-UE li tinħtieġ azzjoni għal ‘konnessjoni ġdida’ bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha.
Il-Prim Ministru tal-Olanda, Mark Rutte, qal li jħossu ddispjaċut ħafna għat-tluq tal-Britanniċi mill-UE. Iżda hu għamilha ċara li trid tkompli l-kooperazzjoni bejn l-Ewropej. Hu sostna li jirrispetta d-deċiżjoni tar-Renju Unit anki jekk il-vot jiftaħ għal żmien diffiċli għall-UE. Intant, Rutte irrefera wkoll ‘għall-ħtieġa ta’ theżżiża’ u qal li ‘l-Ewropa trid tafferma mill-ġdid il-valuri tal-libertà, is-solidarjetà u l-paċi’.
Il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz qal li l-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jeħtieġ isir malajr. ‘Ir-rieda tal-votanti Britanniċi trid tkun irrispettata u issa neħtieġu negozjati ċari u ta’ malajr,’ sostna Schulz fuq Twitter. Il-President tal-Parlament Ewropew kompla li r-Renju Unit dejjem kellu relazzjoni ambigwa mal-UE, ‘u llum din ir-relazzjoni saret ċara’.
Il-Kap estremista tal-lemin fi Franza, Marine Le Pen, biddlet ir-ritratt tagħha fuq Twitter biex jissimbolizza l-Union Jack u qalet lis-sostenituri li r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit kien ‘rebħa għall-ħelsien.’ Hi qalet li, bħalma ilha ssostni għal snin, ‘irid isir l-istess tip ta’ referendum fi Franza u pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea’.
Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Jean-Marc Ayrault, qal li jħossu ‘iddispjaċut għar-Renju Unit’ u insista ‘li l-Ewropa se tkompli anki jekk teħtieġ tirbaħ lura l-fiduċja tal-popli b’urġenza’.
Il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, qal li hu neċessarju ‘li l-UE tgħaddi minn proċess ta’ bidla li tirrendi lill-Unjoni aktar umana u ġusta’. Intant, hu sostna li l-Ewropa ‘tibqa’ darna u l-futur tal-Ewropej’.
Il-Prim Ministru tad-Danimarka, Lars Loekke Rasmussen, qal li d-Danimarka għandha postha fl-UE u li pajjiżu m’għandux ħsieb li jorganizza referendum dwar dan il-kunċett bażiku. Hu spjega li s-sħubija fl-Unjoni ‘hi l-aħjar opportunità għad-Danimarka biex tinfluwenza lid-dinja’.
Il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Stefan Lofven, saħaq li l-UE, issa, qed tiffaċċja l-isfidi kbar wara l-Brexit fir-rigward tal-ekonomija, l-immigrazzjoni, il-klima u s-sigurtà.
Sadanittant, l-eks Prim Ministru tal-Filnlandja, Alexander Stubb, bassar li r-riżultat tar-referendum Britanniku għandu jfisser ‘kaos madwar il-kontinent tal-Ewropa’.
Reazzjonijiet għall-Brexit
