Fl-aħħar jiem, ix-xenarju spettakolari tat-‘Tieqa tad-Dwejra’ f’Għawdex ntuża f’riklam tal-kumpanija internazzjonali Hugo Boss. Iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar joqrob iż-żmien li t-‘Tieqa tad-Dwejra’ attrazzjoni unika f’Għawdex, taqa’ darba għal dejjem dan hekk kif fl-aħħar jiem rega’ kien rappurtat li waqa’ xi ġebel ieħor. Blat li kull ma jmur qed jitnaqqar mill-arkata tat-tieqa.
Dwar dan in-Nazzjon tkellem mal-ambjentalista Alan Deidun fejn huwa saħaq li t-tabelli ta’ twissija ħafna drabi jiġu injorati u qal li hemm bżonn li jkun hemm aktar infurzar biex jonqos il-periklu.
Qal li huwa diffiċli li wieħed jgħid jekk it-Tieqa tinsabx f’periklu imminenti li taqa’, minkejja dan saħaq li tajjeb li jittieħdu l-miżuri kollha biex jonqos il-periklu. Deidun qal li fuq kuntest ambjentali dan ftit li xejn jista’ jservi f’negattivita’ hekk kif dan huwa proċess naturali u n-natura imbagħad tapplika lilha nnifisha ma’ dan il-proċess. Huwa qal li issa n-natura tikkonolizza il-blat li qed jaqa’.
Tul l-aħħar jiem wkoll l-għaddas Pete Bullen tefa’ ritratti fuq Facebook li juri ġebel frisk taħt il-baħar, li għadu kemm waqa’ mit-Tieqa. Fuq Facebook, huwa ħeġġeġ lil Maltin biex igawdu kemm jistgħu t-Tieqa qabel ma jkun tard wisq. Qal ukoll li l-ġebla friska, li waqgħet matul il-ġimgħa li għaddiet, hija wiesa’ madwar 12-il metru u b’għoli ta’ madwar 20 metru.
Minħabba l-instabbilità tat-Tieqa, fuq il-post hemm sinjali li jwissu l-viżitaturi biex ma jitilgħux fuqha.
Minkejja dan, xorta waħda għadd ta’ persuni, speċjalment turisti li ma jkunux infurmati biżżejjed bil-periklu, xorta waħda jagħżlu li jitilgħu. Fil-fatt huma mhux ftit dawk li jitfgħu filmati ta’ turisti u Maltin jaqbżu minn fuq it-Tieqa, minkejja rapporti ta’ nies li weġġgħu gravi meta għamlu dan.
//= $special ?>