Minkejja d-diskors kollu li s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qed tagħmel dwar transparenza fl-awtorità l-ġdida tal-artijiet li trid toħloq, kollox jindika li n-nies ta’ Kastilja diġà għażlu l-persuni għaliha mingħajr ma għadha lanqas twaqqfet l-awtorità u minkejja kull diskors minn Deborah Schembri li se jkun hemm sejħa pubblika biex jimtlew postijiet eżekuttivi.
il-mument hija f’pożizzjoni li tgħid li n-nutar Ian Castaldi Paris ġie offrut post eżekuttiv fuq din l-awtorità. Dan l-aħħar, Ian Castaldi Paris qed ikun qrib ħafna nies involuti fin-negozju tal-artijiet. Huwa wkoll ħabib personali ta’ Robert Musumeci li hu wieħed mit-tliet persuni maħtura mill-Gvern Laburista biex jieħdu ħsieb din ir-riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet.
Dawn l-aħbarijiet dwar x’inhu jiġri fid-Dipartiment ta’ l-Artijiet taw ħafna ġewwa lis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri. Il-paniku kiber tant li nhar il-Ħadd filgħodu kienet fuq it-televiżjoni tal-Partit Laburista biex titkellem fuq dan is-suġġett.
Waqt dan il-programm, Deborah Schembri ma qalet xejn dwar in-nutar Ian Castaldi Paris u l-post eżekuttiv li ġie offrut f’din l-awtorità l-ġdida. Iżda din l-għażla, bħal dik ta’ Alex Sciberras qed tinżamm moħbija għaliex tista’ twassal għal tgergir mill-ħaddiema f’dan l-istess dipartiment.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-mument kienet f’pożizzjoni tikxef kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat offra l-post ta’ Kap Eżekuttiv lil Alex Sciberras, li jiġi t-tifel tal-Imħallef irtirat Philip Sciberras.
Deborah Schembri kkonfermat dak li żvelajna
Waqt dan il-programm Deborah Schembri ma ċaħditx il-kompożizzjoni tal-Bord anzi kkonfermat dak li din il-gazzetta kienet qed tiżvela. Hija qalet li l-membri se jkunu magħżula mill-gvern u mqiegħda fuq dan il-Bord ta’ din l-awtorità.
Schembri kkonfermat ukoll dak li kienet qed tirrapporta din il-gazzetta, li din il-liġi se tgħaddi qabel is-sajf, ħalli tkun qed tiffunzjona sa Ottubru.
Deborah Schembri l-anqas ċaħdet dak li din il-gazzetta kienet qed tippubblika f’dan l-aħħar tliet ħarġiet tagħha dwar il-pjani li kienu jibqgħu sigrieti sal-aħħar, kieku din il-gazzetta ma tkellmitx fuqhom.
Deborah Schembri qalet waqt dan il-programm li d-Dipartiment tal-Artijiet kien qed jitħalla mingħajr ħaddiema u dawk li kienu qed jispiċċaw jew jitilqu ma kinux qed jiġu ngaġġati b’oħrajn ġodda. B’hekk tkun din l-awtorità li qed iddaħħal ħaddiema ġodda. Dak li ma qalitx Schembri hu li dan il-gvern ilu ma jdaħħal ħaddiema f’dan id-dipartiment minn mindu tela’ fil-gvern fl-2013. Dan jikkonferma li l-Partiti Laburista kien diġà tefa’ għajnu fuq dan id-dipartiment biex joqtlu sa minn qabel l-elezzjoni.
Jekk dan il-Gvern ma kellu l-ebda pjan ta’ kif se jmexxi pajjiżna, kellu pjan tajjeb ta’ kif bażużli qrib il-Partit Laburista setgħu jaħtfu artijiet minn dan id-dipartiment kif rajna bi skandli bħal ta’ Strada Zekka, tal-Cafè Premier u tal-Australia Hall.
Mistoqsijiet dwar il-ħatra tal-awditur
L-argument tas-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri hu li kollox qed isir bi trasparenza. Tant kemm se jkun hemm trasparenza, qalet Deborah Schembri, li se jinħoloq post ta’ awditur.
Il-mistoqsija naturali tkun, min ħa jaħtar dan l-awditur u min se jkun? Fuq kollox, lil min se jirrapporta dan l-awditur? Se jaħtru l-gvern tal-ġurnata? Jekk se jagħżlu l-gvern, kif inhu l-pjan?
Fuq kollox hemm bżonn ta’ awditur meta diġà hemm l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali, li jaqa’ taħt l-Ispeaker. Il-mudell tal-awditur meħud għal din l-Awtorità tal-Artijiet se jkun bħal dak tal-Awtorità tal-Ippjanar li l-moħħ wara t-tibdil li wassal għaliha kien ukoll il-konsulent tal-Prim Ministru, Robert Musumeci.
Fuq kollox, id-Dipartiment tal-Artijiet kellu awditur fil-passat u dan kien wieħed intern. Kien tneħħa wara t-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li huwa estern mill-proċessi u għalhekk għandu aktar kontabbiltà.
Il-ħaddiema għatxana biex ikunu jafu l-kundizzjonijiet
Joħroġ ċar ukoll li l-ħaddiema mhux vera kienet qed tagħti kashom. Meta iltaqgħet magħhom qatt ma qalet li se jkun hemm żidiet fil-paga. Illum dawn il-ħaddiema jixtiequ jkunu jaf kemm se tkun din iż-żieda u x’kundizzjonijiet se jkollhom marbuta magħhom. Jirriżulta wkoll li s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ma kinetx f’pożizzjoni li tagħti lill-ħaddiema l-garanzija fuq il-pre-retirement leave u jekk hux se jitlifu l-benefiċċji li qed igawdu bħalissa. Kull ma għamlet hu li ċaħdet li se jitilfu mill-benefiċċji li għandhom.
//= $special ?>