Hekk kif nhar it-Tlieta li għadda, il-Parlament Ewropew approva l-membri tal-Kumitat ta’ Inkjesta li se jinvestiga l-każ tal-Panama Papers, il-mument ħadet il-kummenti tal-Membru Parlamentari Ewropew mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Frank Engel. L-MEP Engel intalab jikkummenta fl-isfond ta’ kif fil-Panama Papers jissemmew Ministru ewlieni tal-Gvern Malti; il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief-of-Staff f’Kastilja Keith Schembri.
Meta kien mistoqsi jekk il-Ministru Konrad Mizzi, l-uniku Ministru ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jissemma fil-Panama Papers għandux jittella’ biex jixhed quddiem dan il-Kumitat ta’ Inkjesta, il-Membru Parlamentari Ewropew Frank Engel stqarr li fil-fehma tiegħu, din għandha tkun l-iktar ħaġa loġika li trid issir għar-raġuni sempliċi li “aħna mitluba nistħarrġu affarijiet li jikkonċernawna.”
Biex ifisser ir-raġuni tiegħu wara din id-dikjarazzjoni, hu qal li jekk Vladimir Putin, għar-raġunijiet personali tiegħu, għandu kont fil-British Virgin Islands li huwa mmanniġjat minn kumpanija fil-Panama, aħna nistgħu nkunu nafu dwaru, imma dan mhuwiex ta’ xi prijorità għalina. Il-prijoritjiet għalina għandhom ikunu x’raġunijiet oħra hemm, wara uffiċjali pubbliċi fl-Unjoni Ewropea, wara persuni oħrajn f’karigi għolja maħtura skont il-Kostituzzjoni f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, li jidher li għandhom il-ħtieġa li jkollhom kumpanija fil-Panama biex tgħinhom iwaqqfu kontijiet f’pajjiżi bħal dawn.” Hu żied li dan iwassalna mal-ewwel lejn l-argument li dan il-Kumitat ta’ Inkjesta tal-Parlament Ewropew jista’ jkun ta’ għodda.
Ta’ interess u ta’ relevenza għall-popli Ewropej
L-MEP Frank Engel qal ukoll li jekk dan hu dwar korruzzjoni, jekk dan hu dwar xiri ta’ nies minn kumpaniji jew stati, kif il-ftit affarijiet jistgħu jindikaw fil-każ ta’ Malta, allura qegħdin nitkellmu fuq kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta’ interess u ta’ relevanza għall-popli tal-Ewropa. Hu ddikjara li dan hu proprju dak li aħna għandna nistħarrġu. “Allura, it-tweġiba tiegħi, imma d-deċiżjoni mhijiex tiegħi biss, hija li għandna nistiednuh (lil Konrad Mizzi), u mhux biss. Il-Kumitat ta’ Inkjesta għandu l-poter li jordnalu jitla’ jixhed.”
//= $special ?>