Fid-dawl ta’ dak li żvelat The Sunday Times of Malta, jiġifieri li l-Gvern gideb meta qal li l-Isptarijiet Karen Grech, San Luqa u dak Ġenerali ta’ Għawdex ġew privatizzati għal 30 sena, għaliex dawn, fil-verità, ngħataw għal 99 sena, l-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu ħafna xi jwieġeb, fost l-oħrajn, l-interess ta’ min ħares Konrad Mizzi meta f’Marzu li għadda – fl-eqqel tal-iskandlu tal-Panama – ffirma dan il-kuntratt.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101, fejn iddeskrivi d-dettalji żvelati bħala xokkanti, u li juru wkoll li wara 30 sena, mhux il-Gvern se jkun qed jiddeċiedi jekk dan il-kuntratt jiġġeddidx jew le, iżda n-negozjant privat. Il-kuntratt ġie ffirmat f’Marzu li għadda, fl-istess żmien li l-poplu Malti u Għawdxi kien qed jiprotesta fit-toroq Maltin, jinsisti għat-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi wara li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, trust sigriet fin-New Zealand u ried jiftaħ kontijiet bankarji madwar id-dinja kollha biex fihom jitfa’ s-senserija.
Simon Busuttil qal li min gideb lill-poplu Malti u Għawdxi dwar dan il-kuntratt għandu jerfa’ r-responsabbiltà. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nsista li l-Gvern jippubblika b’mod immedjat dawn il-kuntratti, li kif qed jidher mill-gazzetti, għandhom riħa tinten ta’ korruzzjoni. “L-interess ta’ min kien qed iħares Konrad Mizzi? Dan huwa tradiment qawwi tal-interess nazzjonali,” qal Simon Busuttil. Hu reġa’ nsista li l-Pulizija tinvestiga l-kuntratti kollha li fihom kienu nvoluti Konrad Mizzi u Keith Schembri, fosthom dawk tal-privatizzazzjoni tal-Isptar, li għandhom riħa tinten ta’ korruzzjoni.
Dwar l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud, Simon Busuttil qal li Alfred Mifsud għandu jissospendi lilu nnifsu minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali. “Jekk mhux tajjeb biex ikun Gvernatur tal-Bank Ċentrali, kif jista’ jkun tajjeb biex ikun Deputat Gvernatur,” staqsa Simon Busuttil.
Għall-kummenti tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li qal li l-opinjoni tiegħu dwar dan l-iskandlu hija rrelevanti, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li jaħseb u dak li qed jagħmel il-Ministru tal-Finanzi hu relevanti ħafna għall-poplu Malti u Għawdxi.
Hu rrefera għall-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament, fejn qed tinsisti – kif saħansitra kien wiegħed il-Partit Laburista fil-programm elettorali tiegħu – li l-bniedem li jiġi nominat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali, jgħaddi minn smiegħ quddiem Kumitat Parlamentari. Simon Busuttil qal li dan l-iskandlu qed jagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’mod speċjali wara li s-settur tas-servizzi finanzjarji diġà ntlaqgħet ħażin ħafna bl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.
L-interess nazzjonali hu li Malta tkun f’Unjoni Ewropea magħquda u b’saħħitha
L-interess nazzjonali hu li Malta tkun f’Unjoni Ewropea magħquda u b’saħħitha – Simon Busuttil
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għad-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit li nhar il-Ħamis ivvota biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Hu qal li l-interess nazzjonali hu li Malta tkun f’Unjoni Ewropea magħquda u b’saħħitha.
Simon Busuttil qal li l-poplu Malti u Għawdxi jaf, b’esperjenza ta’ 12-il sena, li ggwadanja ħafna bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, iżda fl-istess ħin, hemm affarijiet li l-Unjoni Ewropea falliet fihom, fosthom fl-immigrazzjoni. Dwar dan is-suġġett, Simon Busuttil qal li l-poplu Malti u Għawdxi għandu raġun juri t-tħassib tiegħu, u nsista li ebda pajjiż ma jista’ jsolvi din il-problema waħdu.
Simon Busuttil qal li d-deċiżjoni tal-poplu Brittaniku jista’ jkun kienet ibbażata fuq żewġ raġunijiet: fuq fallimenti f’ċertu setturi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minħabba politiċi li b’populiżmu kbir, ilhom snin twal jitkellmu kontra l-Unjoni Ewropea.
Hu rrefera wkoll għal pajjiżna, fejn fakkar li l-Partit Laburista kien għamel kampanja aggressiva ta’ aktar minn ħames snin kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. “Illum, l-istess bniedem li kien jgħidilna biex ma nidħlux fl-Unjoni Ewropea, qed jgħidilna li jekk nitilqu, jkun suwiċidju,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li jekk fuq affarijiet daqshekk ovvji, Muscat got it all wrong, aħseb u ara fuq affarijiet oħra. “Bl-istess mod kif ma qalx il-verità qabel ir-referendum, Muscat ma qalx il-verità qabel l-elezzjoni ġenerali,” qal Simon Busuttil, filwaqt li ġab l-eżempji tal-privatizzazzjonijiet tal-Enemalta u l-isptarijiet – affarijiet li ma kienux imwegħda qabel l-elezzjoni – u l-wegħdiet tal-meritokrazija, t-trasparenza u l-kontabbiltà politika li taru mar-riħ.
Simon Busuttil qal li hu kburi li personalment kien spjega lill-poplu Malti u Għawdxi l-vantaġġi tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu sostna li fid-dawl tad-deċiżjoni tal-poplu Brittaniku, issa, aktar minn qatt qabel, irid ikun spjegat li min hu barra mill-Unjoni Ewropea ma jistax ikollu l-istess benefiċċju ta’ min hu stat membru.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra, estenda l-id tal-koperazzjoni tal-Oppożizzjoni lill-Gvern, u fakkar li l-Partit Nazzjonalista għandu esperjenza u kredibilità kbira f’dawn it-tip ta’ negozjati, li jista’ jkunu importanti fin-negozjati li jrid jagħmel pajjiżna fix-xhur li ġejjin.
//= $special ?>