Internazzjonali

Johannesson jilħaq President tal-Iżlanda

Gudni Johannesson, storiku u wiċċ pjuttost ġdid fil-politika, rebaħ l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Iżlanda.

L-aħħar għadd tal-voti kkonferma li 39 fil-mija tal-Iżlandiżi vvutaw għal Johannesson, li fost ir-rivali tiegħu kellu eks-Prim Ministru Iżlandiż u eks Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Filwaqt li l-Presidenza tal-Iżlanda, fil-parti kbira, tinvolvi kariga ċerimonjali, Gudni Johannesson, li għandu 47 sena, qal lis-sostenituri tiegħu li hu se jipprova jnissel l-għaqda fost il-poplu.

L-elezzjoni seħħet fost ir-rabja tal-Iżlandiżi għall-membri tal-elit ta’ dan il-pajjiż li wħud minnhom, allegatament, għandhom il-kontijiet offshore li ssemmew fl-investigazzjoni dwar l-evażjoni tat-taxxa konnessa mal-każ tal-Panama Papers.

L-iskandlu kien wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru Iżlandiż, Sigmundur Gunnlaugsson.

Fl-istess ħin, il-President ġdid tal-Iżlanda, li qatt ma kien membru ta’ partit politiku, sejjaħ ukoll għal kawsola fil-Kostituzzjoni li tippermetti għal referendum dwar xi abbozz tal-liġi mill-Parlament fuq l-inizjattiva taċ-ċittadin.