Lokali

Kastilja tisfurza lil Alfred Mifsud jgħid li ma għandux ikun ikkunsidrat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali

Sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma’ il-mument ikkonfermaw li twassal messaġġ qawwi lill-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat minn fonti fi ħdan istituzzjonijiet Ewropej biex tittieħed azzjoni fl-isfond tal-iskandli li ħarġu fil-beraħ fl-aħħar eerba’ xhur; dak tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, u dan l-aħħar tal-allegazzjonijiet ta’ tixħim li jmorru lura għal bejn l-1996 u l-1998 fil-konfront ta’ Alfred Mifsud, illum Deputat Gvernatur Ġenerali.

Is-sorsi qalulna li l-messaġġ lill-Gvern Malti kien ċar: “clean the air” – “naddaf l-arja” minħabba r-riperkussjonijiet li diġà bdew iħallu fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta, sitt xhur qabel tibda tassumi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

Dawn is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li riżultat ta’ din it-twiddiba, it-tmexxija f’Kastilja spiċċat tkun sfurzata li tibgħat messaġġ dirett lil Alfred Mifsud, id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali biex jiddikjara li m’għandux aktar interess li jibqa’ jiġi kkunsidrat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni saret pubblika nhar it-Tlieta li għadda fi stqarrija ta’ żewġ linji li ħareġ Alfred Mifsud stess. Id-dikjarazzjoni lill-mezzi ta’ komunikazzjoni minn Alfred Mifsud intbagħtet ftit tal-minuti biss qabel mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni fil-Parlament li tipproponi t-twaqqif ta’ Kumitat Parlamentari li jkun jista’ jagħmel skrutinju tal-persuna li qed tiġi nominata mill-Gvern Malti biex tkun Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Alfred Mifsud jinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu wara li l-ġimgħa li għaddiet feġġew allegazzjonijiet serji li saru mill-eks-sieħba tiegħu li meta kien Chairman tal-Mid-Med Bank bejn l-1996 u l-1998, huwa rċieva mill-inqas tliet pakketti ta’ Lm50,000 kull wieħed (total ta’ €350,000) mingħand in-negozjant Ronnie Demajo. Demajo kien ir-rappreżentant ta’ Malta għall-kumpanija Amerikana East Point, li kienet tqabbdet biex tinstalla software ġdid, li jiswa l-miljuni, fis-sistema bankarja tal-Mid-Med Bank.

Min-naħa tiegħu f’kummenti lill-medja, Alfred Mifsud ammetta li kien jiltaqa’ ma’ Ronnie Demajo u li kien jirċievi rigali mingħandu. Iżda filwaqt li ammetta li ġieli rċieva xi flixkun whiskey jew inbid, Alfred Mifsud sostna li n-negozjant qatt ma tah rigali li jiswew il-flus.

Messaġġ ċar mill-Ewropa lill-Gvern ta’ Muscat

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat għal dawn l-aħħar xhur u ġimgħat kienet qed issirlu pressjoni kbira minn istituzzjonijiet Ewropej biex “inaddaf l-arja.”
Dan wara li fi Frar li għadda feġġ l-iskandlu tal-Panama Papers li fihom jissemmew il-Ministru ewlieni fil-Kabinett, Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri. Din il-pressjoni ssoktat ukoll fl-aħħar ġimgħa wara li feġġew allegazzjonijiet ta’ tixħim u korruzzjoni fil-konfront tad-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud, li kien qiegħed jiġi saħansitra mbuttat mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Din il-kariga kellha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju li ġej.

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li riżultat ta’ din is-sitwazzjoni, it-tmexxija f’Kastilja ma reditx li l-Prim Ministru jaqa’ għaċ-ċajt u jħabbar hu li kien qed jirtira l-fiduċja tiegħu f’Alfred Mifsud. Dan wassal biex minn Kastilja, fis-skiet u b’ħafna ħabi, saret pressjoni diretta fuq Alfred Mifsud biex pubblikament jiddikjara li ma jixtieqx li jkun ikkunsidrat aktar għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Saħansitra Kastilja talbet lill-istess Alfred Mifsud biex jinforma lill-Prim Ministru b’din l-intenzjoni permezz ta’ korrispondenza uffiċjali li fiha jfisser li fid-dawl ta’ dawk kollu li ngħad dwaru fl-aħħar jiem, hu ma għadux aktar interessat f’din il-kariga.

Il-Ministru tal-Finanzi b’riżervi dwar Alfred Mifsud

Kemm ilhom li feġġew dawn l-allegazzjonijiet, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ddiskuta dan il-każ mal-Bank Ċentrali Ewropew. Mistoqsijiet mibgħuta minn il-mument lill-Bank Ċentrali Ewropew fiż-żmien li l-Ministru Scicluna kellu laqgħat mal-uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew baqgħu ma ġewx imwieġba.

Meta dan l-aħħar, il-Ministru tal-Finanzi kien mistoqsi dwar jekk il-kariga li jokkupa bħalissa Alfred Mifsud – dik ta’ Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali – għadiex tenibbli fid-dawl tal-akkużi serji li ħarġu, Edward Scicluna qal li ma jridx jikkummenta għaliex il-proċess ta’ investigazzjoni huwa wieħed li jdum ħafna. Bħalissa kemm il-Ministeru tal-Finanzi qiegħed jistħarreġ il-każ kif ukoll il-Pulizija kif żvelat il-mument bħal-lum ġimgħa.

Iżda s-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kellu riżervi dwar in-nomina ta’ Alfred Mifsud bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali u wkoll dwar kemm il-pożizzjoni tiegħu bħala Deputat Gvernatur Ġenerali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għadha tenibbli.

Bosta, partikularment fil-kamp finanzjarju jemmnu li fid-dawl ta’ dawn il-fatti, Alfred Mifsud għandu wkoll jissospendi lilu nnifsu mill-kariga ta’ Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, li hi t-tieni l-ogħla kariga fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, liema kariga nħolqot proprju biex Alfred Mifsud jinħatar f’din il-kariga. Fil-fatt din hija wkoll talba li għamlet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista aktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-PM sorpriż fl-allegazzjonijiet ta’ tixħim fil-konfront ta’ Alfred Mifsud

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li fil-verità l-Prim Ministru Joseph Muscat kien sorpriż bl-allegazzjonijiet li bdew ħerġin dwar Alfred Mifsud, fosthom dawk żvelati mill-eks sieħba tiegħu, iżda li hu ċaħad.

Anna Zelbst, l-eks sieħba ta’ Alfred Mifsud li fil-karriera tiegħu kien imexxi wkoll il-medja tal-Partit Laburista, ripetutament allegat b’dettalji mill-aktar xokkanti kif Alfred Mifsud kien aċċetta direttament flus kontanti mingħand Ronnie Demajo.

Ftit wara li Alfred Mifsud kien inħatar Chairman tal-Mid Med Bank, kien beda proċess biex ibiddel is-sistema kompjuterizzata tal-Bank minn waħda li ma tantx kienet ilha li kienet istallata. Uffiċjali tal-Mid Med Bank dakinhar kienu nnutaw kif is-sistema ssuġġerita minn Alfred Mifsud kienet Amerikana magħmula speċifikament għall-banek lokali Amerikani. L-aġent f’Malta tal-kumpanija Eastpoint, li immanifatturat dik is-sistema kompjuterizzata, kienet il-kumpanija ta’ Ronnie Demajo.
Il-ftehim mal-kumpanija waqaf hekk kif il-Mid Med Bank inbigħ lill-HSBC fl-1999 wara li
t-tmexxija tal-Bank internazzjonali neħħiet s-sistema għal kollox għax qalet li ma kinitx funzjonabbli.

MISTOQSIJIET LI MA WEĠIBX IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

X’inhi l-pożizzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew meta jkunu qed isiru allegazzjonijiet serji bħal dawk li jikkonċernaw id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li jirrappreżentah f’laqgħat regolari tal-Bank Ċentrali Ewropew?

Il-Bank Ċentrali Ewropew se jitlob spjegazzjoni mill-Gvern Malti jew mill-Bank Ċentrali ta’ Malta hekk kif għaddejja investigazzjoni fuq il-każ ta’ Alfred Mifsud, li mistenni jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta mill-1 ta’ Lulju, 2016?

F’każi bħal dawn, il-Bank Ċentrali Ewropew jissospendi lill-persuna konċernata milli jattendi laqgħat li jorganizza?

Il-mistoqsijiet inbagħtu fis-16 ta’ Ġunju li għadda lill-Uffiċċju ta’ Komunikazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Sal-20 tax-xahar intbagħtu żewġ notamenti jfakkru li t-tweġibiet ma waslux. Dakinhar stess il-Ministru Edward Scicluna kkonferma li kellu laqgħat ma’ uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar l-allegazzjonijiet kontra Alfred Mifsud