Internazzjonali

L-Iraq: Jaqgħu l-aħħar fortizzi tal-ISIS f’Falluja

L-Armata tal-Iraq qalet li ħatfet l-aħħar fortizzi tal-ISIS fl-inħawi ta’ Falluja u li din il-belt, issa, tista’ titqies tassew bħala ‘liberata’.

Il-Ġeneral Abdul-Wahad al-Saadi, li jmexxi lill-qawwiet Iraqqin għal kontra t-terroriżmu li ħadu sehem f’din il-kampanja, sostna li t-truppi tiegħu daħlu fid-distrett tal-Golan li kien ‘l-aħħar zona taħt il-kontroll tal-ISIS’ u fejn huma, issa, qegħdin jikkonsolidaw posthom.

L-ISIS kien ħataf kontroll ta’ Falluja f’Jannar tal-2014 u, aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, kien faħħar l-avvanzi tat-truppi tiegħu f’dik il-belt wara li l-militar irnexxielhom itellgħu il-bandiera tal-Iraq fuq il-bejt tal-bini tal-kunsill lokali.

Il-Ġeneral al-Saadi, issa, qal li almenu 1,800 militanti tal-ISIS tilfu ħajjithom fil-battalji għall-kontroll ta’ Falluja. Dan waqt li għexieren ta’ eluf ta’ nies ħarbu mill-ġlied fl-inħawi mindu, f’Mejju, bdiet il-kampanja militari kontra l-ISIS f’Falluja

Sadanittant, il-Kunsill Norveġiż għar-Refuġjati qal li fadal il-mijiet tan-nies, inklużi nisa, tfal u anzjani, ikkampjati fil-miftuħ waqt l-eqqel tas-sħana tas-sajf.

Il-belt ta’ Falluja għandha importanza partikulari fil-Provinċja ta’ Anbar, lejn il-Punent tal-Iraq. Hi kienet anki l-ewwel belt tal-Iraq li waqgħet f’idejn it-terroristi tal-ISIS.

L-istess terroristi, fl-2014, irnexxielhom jaħtfu zoni u territorji sħaħ lejn it-Tramuntana u l-Punent tal-Iraq u fil-Lvant tas-Sirja. Dan waqt li huma waqqfu hekk-imsejjaħ Kalifat Iżlamiku fl-artijiet li waqgħu taħt idejhom. Hu minnu, iżda, li l-ISIS, f’dawn il-ġimgħat, tilfu l-kontroll fuq numru ta’ territorji fl-Iraq kif ukoll fis-Sirja.