Internazzjonali

L-UE tiċċara l-proċedura għat-tluq tal-Britanniċi

L-Unjoni Ewropea ċċarat il-mod kif if-Renju Unit jista’ jagħti bidu għan-negozjati formali biex joħroġ minn mal-grupp ta’ pajjiżi Ewropej wara r-riżultat xokkanti tar-referendum tal-Ħamis, fejn il-Britanniċi vvurtaw biex ma jibqgħux aktar membri tal-Unjoni.

L-UE qed tgħid li r-Renju Unit jista’ toħroġ dikjarazzjoni formali, b’diskors jew ittra, li permezz tagħha tkun qed tattiva l-hekk imsejjah Artiklu 50 li jfassal deadline ta’ sentejn għal ftehim. Dan meta r-Renju Unit qed jistenna aktar taqlib politiku wara li l-Prim Ministru Britanniku David Cameron qal li se jirriżenja sa Ottubru u jwitti t-triq għas-suċċessur tiegħu ħalli jmexxi t-taħditiet mal-Ewropa.

Fl-istess ħin ma naqsitx il-pressjoni biex ir-Renju Unit jieħu dan il-pass formali mill-aħħar fis, b’kelliema għall-Kunsill Ewropew, li jiddefinixxi l-prioritajiet u d-direzzjoni politika tal-Unjoni Ewropea, jirrepetu li Artiklu 50 hu att formali li l-Gvern Britanniku għandu jwettaq b’mod inekwivoku waqt li jkun qed jindirizza lill-istess Kunsill Ewropew.

Min-naħa tagħha, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tadotta atteġġjament żorr u ostili fil-konfront tar-Renju Unit waqt li jkunu għaddejjin in-negozjati.

Hi għamlitha ċara li mhix favur l-insistenza biex ir-Renju Unit jirtira mill-aktar fis mill-Unjoni ta’ pajjiżi Ewropej, waqt li sostniet li l-impenji biex jostakolaw pajjiżi oħra milli jitilqu mill-Unjoni m’għandhomx jieħdu priorità fis-diskussjonijiet li ġejjin.