L-Ewwel Ministru għall-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet lill-BBC li l-Parlament Skoċċiż f’Holyrood jista’ jipprova jostakola l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.
Dan wara li hi sostniet li għandha tinsisti għal taħditiet immedjati ma’ Brussell biex tipproteġi post l-Iskozja fl-Unjoni Ewropea. Minkejja li 52 fil-mija tal-Britanniċi vvutaw ( kontra 48 fil-mija) biex jitilqu mill-UE waqt ir-referendum tal-Ħamis, il-maġġoranza kbira tal-Iskoċċiżi (62 fil-mija) kienu vvutaw biex ikomplu fi ħdan l-Unjoni.
Min-naħa tagħha, Sturgeon qalet, bla tlaqliq, li ‘dażgur, hi se titlob lid-deputati parlamentari Skoċċiżi biex jirrifjutaw il-kunsens leġislattiv għas-separazzjoni mill-UE’.
Is-Scottish National Party (SNP) ta’ Sturgeon jikkontrolla 63 fost il-129 siġġu fil-Parlament ta’ Holyrood, madankollu is-Segretarju Skoċċiż, David Mundell, saħaq li hu, ‘personalment’ ma jaħsibx li l-Iskozja tista’, fil-fatt, twaqqaf il-proċess tal-Brexit.
//= $special ?>