Il-poplu ta’ Spanja llum ivvota f’elezzjoni ġenerali li saret taħt id-dell tal-vot favur il-Brexit fir-Renju Unit.
L-elezzjoni tista’ ma twassalx għal xi żblokk fl-istaġnar politiku li ilu jżomm lill-pajjiż lura għal dawn l-aħħar xhur u l-Prim Ministru Spanjol u Kap tal-Partit Popolari Mariano Rajoy insista bl-importanza li l-poplu jwassal messaġġ ta’ stabbilità istituzzjonali u ekonomika. L-elezzjoni tallum kienet inevitabbli wara li l-erba’ partiti ewlenin naqsu minn ftehim konkret wara l-elezzjoni inkonklussiva ta’ Diċembru li għadda.
L-indikazzjonijiet huma li l-Partit Popolari ta’ Rajoy għandu jirbaħ l-elezzjoni iżda mhux mistenni jikseb maġġoranza fil-Parlament. Hemm ukoll is-sinjali li l-alleanza Podemos, tax-xellug, tista’ tispiċċa t-tieni l-akbar partit qabel is-Soċjalisti u mhux eskluż li ż-żewġ partiti jistgħu, ‘il quddiem, jiffurmaw koalizzjoni wiesgħa tax-xellug. Mistenni wkoll li l-Partit taċ-ċentru-lemin, Ciudadanos, li hu favur in-negozju, jispiċċa r-raba’ f’din l-elezzjoni. L-analisti qalu li ħafna Spanjoli huma diżillużi mill-politika u ma kenux qed jistennew li l-konkorrenza tal-votanti se tkun għolja. L-ewwel exit polls minn din l-elezzjoni huma mistennija tard matul il-lejl.
//= $special ?>