Internazzjonali

It-Turkija tiċħad għall-kliem tal-Papa dwar il-ġenoċidju tal-Armeni

It-Turkija qed tiċħad għat-tifsira tal-Papa Franġisku dwar il-qtil tal-massa ta’ Armeni li kien seħħ matul l-Ewwel Gwerra Dinja. Dan filwaqt li qed issostni li r-rimarki partikulari ‘jirriflettu l-mentalità ta’ żmien il-Kruċjati’.

Il-Papa ikkonkluda żjara ta’ ftit jiem fl-Armenja fejn, fl-aħħar parti tal-programm, mexxa servizz ta’ Liturġija Divina fil-miftuħ fil-kapitali Yerevan, waqt li żar il-fruntiera tal-pajjiż mat-Turkija.

Intant, u wara li l-Kap tal-Kattoliċi, nhar il-Ġimgħa, uża l-kelma ġenoċidju biex jirreferi għall-qtil tal-Armeni, il-Viċi-Prim Ministru tat-Turkija, Nurettin Canikli, qal li r-rimarki dwar il-ġenoċidju ‘ma kellhom l-ebda bażi fir-realtà.’

Ir-rimarki tal-Papa kienu saru waqt il-ftuh tal-impenji tiegħu f’Yerevan. Sadanittant, l-Armenja u numru sostanzjali ta’ storiċi jinsistu li, fl-1915, sa 1.5 miljun Kristjani Armeni kienu sfaw maqtula taħt idejn il-qawwiet Ottomani Torok. Iżda t-Turkija tiċħad għal dan, jew li dawn l-imwiet, fil-fatt, jikkostitwixxu ġenoċidju.

It-Torok, intant, jgħidu li l-imwiet tal-Armeni kienu parti minn konflitt ċivili li ġie xprunat mill-Ewwel Gwerra Dinjija, b’din il-polemika għadha sallum taffettwa ħażin ir-relazzjonijiet tal-Armenja ma’ Ankara.

Filwaqt li l-Armenja tinsisti dwar il-qtil ta’ 1.5 miljuni fi żmien meta kien qed jiddisintegra l-Imperu Ottoman, kelliema f’Ankara qed jirribattu li n-numru tal-Armeni maqtula kien, fil-fatt, ferm iżgħar.

Ħafna mill-vittmi Armeni kienu ċivili li mietu waqt proċess ta’ deportazzjoni lejn reġjuni iżolati. Eluf oħra, imbagħad, inqatlu waqt sensiela ta’ massakri.