Internazzjonali

Wara l-Brexit: Rewwixta fil-kamp Laburista Britanniku fost ir-riżenji

Fl-aħħar sigħat komplew il-konsegwenzi tal-Brexit fejn irriżenjaw sitt membri tax-shadow cabinet tal-Kap Laburista Britanniku, Jeremy Corbyn.

Ir-riżenji ta’ Heidi Alexander, Ian Murray, Gloria de Piero, Lillian Greenwood, Lucy Powell u Kerry McCarthy huma dovuti għar-riżultat tar-referendum tal-Ħamis u kienu kkonfermati wara li Jeremy Corbyn keċċa lil Hilary Benn li kien il-kelliem Laburista għall-Affarijiet Barranin.

Mistenni wkoll li jitilqu aktar protagonisti tal-Partit Laburista bi protesta għat-tmexxija ta’ Corbyn waqt il-kampanja dwar il-futur tar-Renju Unit bħala membru tal-UE.

Jeremy Corbyn anki qed jiffaċċja vot ta’ sfiduċja, għalkemm id-deputat Laburista John McDonnell, fir-rwol ta’ shadow chancellor, qal li ‘hu (Corbyn) mhu sejjer imkien’.

Il-Partit Laburista Britanniku kien appoġġja l-kampanja Remain ( biex ir-Renju Unit ikompli fl-UE) waqt ir-referendum. Iżda Jeremy Corbyn, magħruf bħala kritiku ‘antik’ tal-UE u li jitqies bħala l-aktar Kap Laburista li qatt żvela ideali Ewro-xettiċi, qed ikun akkużat minn membri tal-partit tiegħu stess talli ‘ma kienx konvinċenti’ fil-mod kif ippreżenta l-każ favur l-Unjoni Ewropea.