Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru jattwa l-proposta li kien għamel lill-istess Gvern ta’ Muscat l-eks-Kummissarju Ewropew Joe Borg li fuq talba tal-Gvern tal-lum stess, kien appella għat-twaqqif ta’ cross party task force dwar il-ħidma ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Fid-dibattitu fil-Parlament li sar dalgħodu wara stqarrija li għamel il-Prim Ministru Muscat dwar ir-riżultat tar-referendum li ddeċieda li r-Renju Unit titlaq mill-Unjoni Ewropea, Simon Busuttil qal li l-Gvern kien talab pariri lill-eks-Kummissarju Ewropew Joe Borg dwar l-UE u l-presidenza ta’ Malta. Fil-pariri tiegħu lill-Gvern, Joe Borg kien appella għal cross party task force. Tliet snin u nofs wara, dan għadu ma sarx.
Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru biex iwettaq dan il-parir hekk kif tenna r-rieda tajba tal-Oppożizzjoni biex Gvern u Oppożizzjoni jaħdmu flimkien f’koperazzjoni.
Wara l-istqarrija li għamel il-Prim Ministru Muscat fil-Parlament, l-Oppoizzjoni assoċjat ruħha mas-sustanza tad-diskors tal-Prim Ministru. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li ftit hemm differenza fil-pożizzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru għandu jippubblika l-istudji li għamel kull Ministeru dwar l-effett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE
F’riflessjoni dwar id-deċiżjoni tal-poplu fir-Renju Unit li jinqata’ mill-UE, Simon Busuttil qal li issa d-deċiżjoni ttieħdet u trid tiġi rispettata.
Quddiem id-deċiżjoni tar-referendum fir-Renju Unit, Simon Busuttil irrimarka dwar l-għaqal kbir fir-referendum li sar f’pajjiżna dwar is-sħubija meta l-poplu Malti għażel li jidħol fl-UE, u llum il-poplu kollu fehem l-importanza ta’ pajjiżna li nkunu fl-UE.
Quddiem sitwazzjoni ta’ poplu li ddeċieda li jħalli l-UE, Simon Busuttil appella biex ħadd m’għandu jirreaġixxi b’passjoni jew b’suppervja.
Mhu fl-interess ta’ ħadd li l-affarijie issa jsiru fl-għaġla, la tar-Renju Unit, la tal-UE u lanqas pajjiżna minħabba r-relazzjonijiet twal ta’ pajjiżna mal-Ingilterra.
Irrifera u ngħaqad mar-reazzjoni tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel li appellat biex l-affarijiet isiru bir-raġuni u mhux bil-passjoni.
Spjega li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi ċara – li għalina l-iteress nazzjonali jiġi l-ewwel u li pajjiżna jkun u jibqa’ parti minn Ewropa magħquda u b’saħħitha. Saħaq fuq il-bżonn ta’ affermazzjona ċara ta’ dak li hu fl-interess nazzjonali tagħna – li nkunu f’Ewropa magħquda u b’saħħitha.
F’dan is-sens, il-Kap tal-Oppożizzjoni estenda l-koperazzjoni tiegħu u tal-Oppożizzjoni a lill-Gvern biex issir ħidma flimkien fl-interes sta’ pajjiżna.
Irrifera għall-informazzjoni żbaljata u skorretta li ta l-Ministru George Vella fil-Parlament dwar dak li seħħ 17-il sena ilu meta hu kien minn ta’ quddiem biex il-poplu jivvota favur fir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE.
Filwaqt li qal li ma jistenniex grazzi minn dan il-Gvern għax-xogħol li wettaq, jistenna diċenza u li jgħid il-verità fis-sehem li ta. Saħaq li mhux se jħalli lill-gvern jigdeb fuq is-sehem li ta għal pajjiżna u li minnu sal-lum għadu jgawdi l-pajjiż kollu.
Simon Busuttil qal li għandu raġun il-Prim Ministru llum jgħid li hu ta’ suwiċidju li pajjiżna joħroġ mill-UE; u rrimarka li dan messu qalu fir-referendum u mhux ħadem kontra s-sħubija.
Dwar in-negozjati tal-Unjoni Ewropa dwar il-kundizzjonijiet li bihom se joħroġ ir-Renju Unit mill-UE u r-relazzjonijiet li se żżomm ir-Renju Unit mal-Ewropa, Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qed toffri l-koperazzjoni biex in-negozjati dwar ir-Renju Unit ikunu wkoll fl-interess tal-poplu.
Fakkar fl-għaqal li bih kien mexa Gvern Nazzjonalista meta fil-VAT fuq l-ikel u l-mediċini, Malta kisbet eżenzjoni li saret permanenti fl-2009 wkoll minn Gvern Nazzjonalista. Appella lill-Gvern biex jinnegozjaw bis-saħħa fl–interess nazzjonali ta’ pajjiżna.
Talab lill-PM jagħmel pubbliċi l-istudji li għamel kull Ministeru dwar l-effett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.
Irrimarka wkoll li jekk wieħed janalizza s-sitwazzjoni kif evolviet l-istorja ta’ sħubija fir-Renju Unit, ir-riżultat ma kienx ta’ sopriża u qal li dan hu dak li jġħin il-popoliżmu. Semma li ħafna mill-argumenti li saru fir-Renju Unit kontra l-UE, kienu għamluhom f’pajjiżna wkoll fir-referendum il-Ministru George Vella u l-Prim Ministru Muscat.
Dwar il-Presidenza ta’ Malta u l-possibbiltà li din titwal minn sitt xhur għal sena, ħalla f’idejn il-Prim Ministru biex jara x’inhu l-aħjar wara li jiġi analizzat il-piż fuq din il-presidenza.
Simon Busuttil appella lill-UE biex ukoll tanalizza dan ir-riżultat u tanalizza wkoll il-politika Ewropea dwar l-immigrazjzoni li l-UE ma laħqitx l-aspettattivi tagħha.
Spjega wkoll li dan mhux il-mument li l-UE tagħmel passi akbar u appella għal perjodu ta’ riflessjoni.
Filwaqt li qal li llum se jkomplu l-laqgħat fl-UE fejn anke hu se jkun qed jipparteċipa f’summit Ewropew, Simon Busuttil appella għal riflessjoni minn kulħadd, kemm f’Malta, fir-Renju Unit u anke fuq livell tal-UE dwar dak li seħħ fir-Renju Unit.
Appella lill-Prim Ministru jaċċetta l-offerta tal-Oppożizzjoni għal koperazzjoni u ħidma bejn Gvern u Oppożizzjoni f’kuntest ukoll tal-esperjenza u l-kredibbiltà li għandu l-Partit Nazzjonalista fuq l-UE.
Simon Busuttil fisser l-appell għal ħidma bejn Gvern u Oppożizzjoni bħala pass ’il quddiem.
//= $special ?>