Il-President Tork Tayyip Erdogan għamel apoloġija talli f’Novembru l-militar Tork kien waqqa’ ajruplan militari Russu tul il-fruntiera mas-Sirja.
Dan ħabbru kelliem tal-Kremlin li qal li Erdogan kien bagħat messaġġ lill-President Russu Vladimir Putin. Erdogan fil-messaġġ li bagħat tkellem dwar id-dispjaċir tiegħu għal dak li ġara u żied li xtaq jirranġa r-relazzjonijiet mar-Russja qal Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin.
Hu żied li fl-ittra Erdogan qal li r-Russja hi ħabib tat-Turkija u l-awtoritajiet Torok xtaqu li l-affarijiet jibqgħu hekk.
Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi kienu marru l-baħar wara dak l-inċident u t-Turkija kienet kompliet tirrabja lir-Russja wara li naqset li toħroġ apoloġija għal dak li ġara. Ir-Russja wieġbet billi imponiet sanzjonijiet u ssospendiet it-turiżmu Russu lejn it-Turkija.
Putin kien stqarr dak iż-żmien li ma kienx se jneħħi r-restrizzjonijiet sakemm Turkija tagħmel apoloġija.
Erdogan jitlob apoloġija lir-Russja
