Lokali Unjoni Ewropea

GĦADA: Jum importanti għall-futur tal-Unjoni Ewropea wara ‘Brexit’

‘Brexit’ għada tiddomina laqgħat tal-Partit Popolari Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew

Mario Frendo minn Brussell

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għada se jkun qed jattendi summit tal-Partit Popolari Ewropew li se jsir bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u li matulha se jkun diskuss il-futur tal-Unjoni Ewropea wara r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit.

Waqt is-summit, il-Partit Popolari Ewropew, li tiegħu l-Partit Nazzjonalista huwa membru, mistenni jiddiskuti t-triq ‘il quddiem għall-Unjoni Ewropea wara dik li qed tissejjaħ bħala ‘Brexit’.

Il-konklużjonijiet tas-summit mistennija jirriflettu l-kummenti li saru fil-jiem li għaddew mill-esponenti tal-Partit Popolari Ewropew fosthom miċ-Chairman tal-grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber, li qal li m’għandux ikun hemm trattament speċjali għar-Renju Unit, filwaqt li tenna li n-negozjati dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea għandhom ikun konklużi fi żmien sentejn.

Wara s-summit tal-Partit Popolari Ewropew, il-mexxejja tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea mistennija jiltaqgħu fi Brussell f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew. Fiċ-ċentru ta’ din il-laqgħa se jkun hemm diskussjoni dwar il-Brexit. Din se tkun l-ewwel diskussjoni bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea wara r-riżultat tar-referendum ta’ nhar il-Ħamis li għadda.

Fl-aħħar jiem, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea kellhom ibiddlu l-iskedi tagħhom biex jaddattaw għall-aħħar żviluppi b’rabta mar-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit. Fost oħrajn, ġiet posposta s-seduta ta’ smigħ ta’ Leo Brincat, il-Malti nominat biex jokkuppa siġġu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Is-smigħ ta’ Leo Brincat kellu jsir illum.

Sadanittant, għada filgħodu se ssir laqgħa straordinarja tal-plenarja tal-Parlament Ewropew, li se jitlaqqa’ b’urġenza fi Brussell. Matul is-sessjoni straordinarja, il-Parlament Ewropew se jivvota fuq mozzjoni għal reżoluzzjoni li fiha se jsir appell lill-Prim Ministru Ingliż David Cameron biex minnufih jinforma b’mod uffiċjali lill-Unjoni Ewropea dwar ir-riżultat tar-referendum – b’hekk tkun tista’ tibda l-proċedura biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Mingħajr din in-notifika uffiċjali, ma tkunx tista’ tibda l-proċedura ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew se jkun qed iwissi biex in-notifika formali ssir qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ għada stess – bil-għan li ma tinħoloqx inċertezza li tagħmel ħsara lil kulħadd.