Mario Frendo minn Brussell
Nhar il-Ħamis li għadda, il-vot ‘Leave’ fir-Renju Unit rebaħ b’51.9% tal-voti kollha mitfgħuha. Aktar minn 17-il miljun persuna vvutaw favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea kontra ftit aktar minn 16-il miljun ruħ li esprimew xewqa bil-kontra.
Ir-riżultat tħabbar fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. Iżda issa x’inhu l-pass li jmiss? Dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet jistgħu jagħtu stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni bħalissa u x’inhuma l-passi li mistennija jittieħdu fiż-żmien li ġej.
Ir-referendum hu definittiv?
Le. Għalkemm ir-referendum juri bl-aktar mod ċar ix-xewqa tal-poplu tar-Renju Unit, ir-referendum mhuwiex definittiv u ma jorbotx lill-Gvern Ingliż. Ir-referendum filfatt huwa wieħed konsultattiv.
X’ħabbar David Cameron ftit wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum?
Wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum, il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron ħabbar li se jkun qed jirriżenja mill-kariga. Cameron żied li n-negozjati mal-Unjoni Ewropea dwar il-ħruġ tar-Renju Unit għandhom jinbdew minn Prim Ministru ġdid li għandu jkun hu li jiddeċiedi meta jinvoka “Artiklu 50”.
X’inhu “Artiklu 50”?
Artiklu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa Artiklu ta’ mhux aktar minn 250 kelma – maqsum f’ħames paragrafi – u li jipprovdi l-proċedura li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom jimxu magħha jekk ikunu jridu jitilqu mill-Unjoni Ewropea. L-ewwel sentenza ta’ Artiklu 50 tgħid hekk: “Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni”.
X’għandu jagħmel ir-Renju Unit biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea?
Biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-Gvern tar-Renju Unit għandu jinvoka Artiklu 50. Jekk Artiklu 50 ma jkunx invokat, allura ma jkunux jistgħu jibdew il-proċeduri kollha biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Biex jinvoka Artiklu 50, il-Gvern tar-Renju Unit għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu.
X’inhu l-Kunsill Ewropew?
Il-Kunsill Ewropew huwa wieħed mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-Parlament Ewropew jiġbor flimkien lir-rapprezentanti tal-popli Ewropej, il-Kunsill Ewropew jiġbor flimkien il-mexxejja kollha tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
X’jiġri wara li r-Renju Unit jibgħat in-notifika skont Artiklu 50?
Wara li l-Gvern tar-Renju Unit jibgħat in-notifika skont kif meħtieġ f’Artiklu 50, ikun hemm tieqa ta’ sentejn biss li matulhom ikunu jistgħu isiru n-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Ġieli ntuża Artiklu 50?
Le, s’issa ħadd għadu ma nvoka Artiklu 50.
Ir-Renju Unit bagħat in-notifika msemmija f’Artiklu 50?
Le. S’issa, il-Gvern tar-Renju Unit għadu ma nvokax Artiklu 50 u għadu ma bagħatx in-notifika li hija l-bidu tal-proċess tal-ħruġ. Sakemm ir-Renju Unit ma jibgħatx din in-notifika, jibqa’ kkunsidrat bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea,
Kemm huwa aċċettabbli li r-Renju Unit ma jibgħatx din in-notifika?
Hemm ħafna opinjonijiet dwar dan. Dawk li fir-Renju Unit ivvutaw favur ‘Leave’, jixtiequ li Artiklu 50 ikun invokati minnufih. Dawk li vvutaw favur ‘Remain’ jippreferu jekk Artiklu 50 ma jkunx invokat, għax b’hekk, ir-Renju Unit jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea.
Fuq livell Ewropew, il-fatt li r-Renju Unit jibqa’ jipposponi milli jinvoka Artiklu 50, jista’ jfisser żmien ta’ inċertezza u instabbilita’. Filfatt, għada filgħodu, il-Parlament Ewropew mistenni japprova mozzjoni għal reżoluzzjoni biex jappella lir-Renju Unit jibgħat in-notifika mill-aktar fiss.
X’se jiġri għada fl-Unjoni Ewropea?
Għada se jsiru tlett attivitajiet importanti: laqgħa straordinarja tal-Parlament Ewropew, summit tal-Partit Popolari Ewropew u laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
X’se jiġri fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew?
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew se jiltaqgħu il-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż David Cameron, għall-ewwel darba wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum. Il-Parlament Ewropew għada filgħodu se japprova reżoluzzjoni biex David Cameron jibgħat in-notifika ta’ Artiklu 50 qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
X’jiġri jekk ir-Renju Unit jibqa’ jipposponi milli jinvoka Artiklu 50?
Ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu biex pajjiż ikun sfurzat joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Hemm min qed jgħid li f’każ li r-Renju Unit jibqa’ jipposponi, l-Unjoni Ewropea għandha tinvoka Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Artiklu 7 jgħid li l-Unjoni Ewropea tista’ tissospendi pajjiż membru jekk ikun hemm ksur tal-valuri tar-rispett għad-dinjita’ tal-bniedem, il-liberta’ u d-demokrazija. Madanakollu, hemm possibilta’ kbira li din l-għażla ma tkunx ikkunsidrata minħabba l-gravita’ tal-konsegwenzi tagħha.
//= $special ?>