L-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers (MASW) fi stqarrija saħqet li tinsab inkwetata u mħassba dwar il-każ ta’ allegat stupru fuq tifel ta’ sitt snin, li bħalissa qed jinstema’ fil-Qorti.
Il-każ jitratta raġel ta’ 60 sena li tressaq il-Qorti akkużat li ġiegħel lit-tifel iż-żgħir tiegħu ikollu sess ma’ prostituti biex jipprevjeni milli dan ikun omosesswali, bil-prostituti stess ikunu dawk li b’mod anonimu rrapportaw il-każ lill-Aġenzija Appoġġ u lill-Pulizija.
L-MASW qalet li f’każi bħal dawn, ħafna drabi s-sensazzjonaliżmu żejda tista’ twassal għal aktar kumplikazzjonijiet fil-protezzjoni tat-tfal. L-Assoċjazzjoni kompliet li qed tiddiskuti mal-Gvern ir-rakomandazzjonijiet tagħha biex ikun hemm strutturi indipendenti ħalli l-implimentazzjoni ta’ l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal jidħol fis-seħħ kif suppost.
L-MASW sostniet li s-Social Workers għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom b’mod awtonomu u indipendenti, bir-riżorsi kollha possibbli, filwaqt li jingħataw anke l-għajnuna legali meħtieġa skont il-każ.
L-Assoċjazzjoni temmet l-istqarrija billi appellat għal aktar koperazzjoni bejn l-istakeholders fis-settur, fl-interess tat-tfal.
//= $special ?>