Parlament

“Malta hi eżempju ta’ suċċess fl-Unjoni Ewropea” – Joseph Muscat

Fil-Parlament Malti, saret diskussjoni ta’ tliet sigħat dwar il-pożizzjoni u d-direzzjoni li l-Gvern Malti se jieħu wara r-Referendum ta’ nhar il-Ħamis li għadda fejn ir-Renju Unit ivvota sabiex ma jibqax membru fl-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li hekk kif ħareġ ir-riżultat uffiċjali, flimkien mal-Ministri tiegħu, ħejju studji dwar l-effetti li il-Brexit se jkollu fuq Malta.

Il-Prim Ministru stqarr, li fl-oppinjoni tiegħu dan ir-referendum ma intrebaħx minħabba li l-vot qawwi tal-anzjani fir-Renju Unit, iżda minħabba li l-Unjoni Ewropea inqatat minn mal-poplu Ewropew. Hu qal li jittama li dan l-atteġjament jinbidel minħabba li kif jista’ jkun hemm il-possibilita’ li tinħoloq reazzjoni simili f’pajjiżi membri oħra, u popli Ewropej oħra iqumu għall-okkażjoni biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li l-Ewropa falliet milli tindirizza l-problema tal-immigrazzjoni, u li dan kien punt kruċjali li kompla jħeġġeġ il-vot tal-poplu Brittaniku, u kompla billi qal: “Min jibża mill-immigrazzjoni m’huwiex razzist”. Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ttama li l-Unjoni Ewropea timxi l’ quddiem wara dan ir-riżultat, u titgħallem tkun aktar flessibli. Kompla billi ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex tifhem lil kull pajjiż u ċittadin Ewropew, u li tifhem ir-realtajiet differenti u tħalli biżejjed spazju lil kull pajjiż jieħu d-deċiżjoni għalih fejn possibli. “Trid tkun Unjoni Ewropea ta’ bread and butter issues, li tinftiehem minn kulħadd”, stqarr Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru kompla billi kkonsidra diversi punti politiċi. Beda billi stqarr li ma qabilx mad-deċiżjoni tal-UE li tlaqqa l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tas-sitt pajjiżi fundaturi, fejn din l-azzjoni għamlet distinzzjoni bejn pajjiż u ieħor. Hu stqarr li l-idea tal-grupp ta’ pajjiżi fundaturi hi xi ħaġa nostalġika u parti mill-passat. Irrimarka wkoll li l-enfażi mill-UE dwar id-diskussi ta’ meta se jiskatta l-artiklu 50, hu żball ieħor minħabba li dan hu punt tekniku u li d-diskussjoni għandha tiffoka biss fuq il-motivazzjonijiet li ġalu lill-poplu Brittaniku jivvota favur il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea. Joseph Muscat ħeġġeġ lill-pajjiżi membri oħra biex iħarsu lejn ir-Renju Unit b’rispett u bħala pajjiż ħabib, iżda ma jistax ikompli jitqies bħala pajjiż membru fl-UE.

B’referenza għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, Joseph Muscat qal li Malta hi eżempju ta’ suċċess f’din l-unjoni. Kompla billi stqarr li l-Gvern tiegħu għamel l-istudji neċessarji għall-effetti tal-Brexit u qal li l-pajjiż jinsab preparat. Fid-diskors tiegħu qal li l-poplu Malti m’għandux jinkwieta dwar bidliet radikali, u serraħ ras l-istudenti u l-ħaddiema Maltin fir-Renju Unit – minħabba li l-proċess għadu ma bediex u m’għandux ikun komplet sa’ mill-inqas sentejn oħra.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-presidenza ta’ Malta fl-2017. Hu irrefera għall-ħsibijiet informali li Malta tieħu l-presidenza tar-Renju Unit, li kien se jkun propju qabel dik ta’ Malta. Hu qal li l-Gvern Malti m’għandux ix-xewqa li minflok ikollu in-nofs sena hekk kif isir normalment, jieħu taħt ir-responsabilita’ tiegħu sena sħiħa ta’ presidenza. Pero kompla billi stqarr li l-Gvern Malti lest li jiddiskuti din l-possibilta’ mal-Unjoni Ewropea, sakemm ikun hemm il-finanzjament għal din l-estenzjoni. Joseph Muscat stqarr li l-ħruġ tar-Renju Unit ifisser li Malta se titlef alleat, partikolarment dwar l-kwisjtoni tal-immigrazzjoni. Hu stqarr li r-Renju Unit kienet il-bilanċ sabiex l-Unjoni Ewropea ma’ tersaqx lejn il-federaliżmu.

Il-Prim Minsitru tkellem ukoll dwar l-isfidi li se jaffornta pajjiżna, u ta ħarsa lejn setturi speċifiċi. Hu stqarr li tkellem mal-Gvernatur tal-Ban Ċentrali u dan tal-aħħar assigurah li l-banek li joperaw f’Malta m’humiex qegħdin f’periklu ta’ likwidita’. Irrimarka li d-deroga li Malta akwistat dwar il-VAT fuq l-ikel u l-mediċini, mhux se tintilef minn Malta. Tkellem dwar s-settur mediku, fejn qal li mhux se jkun hemm l-ebda problema u li jemmen li l-UE għandha taħdem id f’id mar-Renju Unit f’dan is-settur. Joseph Muscat ikkonferma li l-pazjenti li jirrikorru għall-kura fir-Renju Unit mhux se jitilfu dawn il-privileġġi, minħabba li 40 sena ilu kien sar ftehim bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit, u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ma affetwatx dan l-ftehim. Semma’ wkoll in-numru ta’ Maltin li jirċievu l-pensjoni mir-Renju Unit, u qal li s’issa m’għandux ikun hemm bidla, iżda għandu jkun hemm diskussjonijiet dwar dan is-suġett fejn il-ftehim bilaterali għandu jiġi rivedut. Stqarr li bħalissa l-Gvern m’għandux viżibilta’ ċara biżejjed biex jagħti risposta dwar dan. Fis-settur turistiku, il-Prim Minsitru stqarr li t-tnaqqis drastiku fl-Lira Sterlina se jaffetwa lill-pajjiżna, minħabba li t-turisti ġejjin mir-Renju Unit mhux se jkollhom inqas valur fil-flus tagħhom, u għal daqstant jonfqu inqas meta jiġu fuq btala.

Dwar is-settur kummerċjali u finanzjarju, il-Prim Ministru tkellem mal-Malta Enterprise fejn ġew identifikati ħames kumpaniji li jesportaw persentaġġ qawwi mill-produzzjoni tagħhom lejn ir-Renju Unit, u li jridu jsiru negozjati ma’ dawn il-kumpaniji, minħabba li dawn iss qegħdin jaffaċjaw il-problema li f’ħin daqstant qasir sabu l-prezz tal-prodott tagħhom aktar għoli. Joseph Muscat tkellem kif Malta tista’ sservi ta’ pjattaforma għall-kollaborazzjoni bejn kumpaniji fir-Renju Unit u l-UE, u li pajjiżna jrid iħares lejn is-setturi tal-gaming u asset management.

Il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern se nieda servizz ta’ helpline għal min għandu xi diffikulta dwar l-effetti tal-Brexit, u jista’ jsir kuntatt mal-entitajiet tal-Gvern fuq in numru 152 jew mis-sit www.servizz.gov.mt. Joseph Muscat qal li t-Tlieta se jitla’ Burssel sabeix flimkien mal-Pajjiżi Membri l-oħra iħares lejn id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Wara d-diskors tal-Prim Ministru saru diversi interventi mill-membri tal-Oppożizzjoni u anke deputati tal-Gvern. Iċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi u Kelliem għall-Affarijiet Barranin, inkluż relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’organizzazjonijeit internazzjali u l-Politika tal-Mediterran, Tonio Fenech, stqarr li rridu nirrispettaw id-deċiżjoni u s-sovranita’ tal-poplu tar-Renju Unit. Iżda issa, pajjiżna jrid iħares lejn ir-realtajiet li din id-deċiżjoni se tħalli. Hu stqarr li r-riċessjoni dinjija tal-2008 għadha qed taffetwa l-popli Ewropej, u għad hemm ħafna nies jaffaċjaw id-diffikultajiet tal-kriżi finanzjarja. B’riżultat ta’ dan jinħoloq lok għall-estremitajiet tax-xellug u tal-lemin sabiex jieħdu vantaġġ u jippruvaw ikissru l-Unjoni Ewropea. Tkellem ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament Mario De Marco fejn elenka erba’ mistoqsijiet li jridu jiġu ċċarati wara l-Brexit: X’tip ta’ relazzjoni se nkunu qegħdin inħarsu bejn r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea? X’relazzjoni irridu nħarsu bejn ir-Renju Unit u Malta? X’relazzjoni irridu naraw bejn l-Unjoni Ewroepa u Malta? X’tip ta’ Ewropa rridu nħarsu lejha u jekk aħniex kuntenti bl-Ewropa tal-llum? Il-Membru Parlamentari Francis Zammi Dimech stqarr li l-Prim Ministru fid-disrkos tiegħu stess ta żewġ ċertifikati lill-Partit Nazzjonalista, l-ewwel ċertifikat hu li l-Gvern qed jiftaħar bis-suċċess li Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, u li l-Partit Nazzjonalista kien li kkonvinċa lill-poplu Malti jivvota favur id-dħul. It-tieni ċertifikat li l-Prim Minsitru ta lill-Partit Nazzjonalista kien li waqt il-mewġ iebes tar-riċessjoni, kien propju il-Partit Nazzjonalista li mexxa lill-Malta l-bogħod mill-maltemp. Id-deputat Kristy Debono tkellmet ukoll dwar kif Malta trid tkun minn ta’ quddiem li tikseb is-suċċess fis-servizzi finanzjarji u taħtaf l-opportunita’.