Lokali

Mara tweġġa’ wara ħabta bejn karozza u mutur … kawża ta’ xi żejt li qattar minn trakk

Mara weġġgħet wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ barra l-mina li mill-fabbrika ST tagħti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

L-inċident, li kienu nvoluti fih karozza u mutur, seħħ wara li fit-triq kien hemm irqajja’ ta’ żejt li oriġinaw minn trakk li kellu xi ħsara.

Kawża taż-żejt, kien hemm impatt bejn il-karozza u l-mutur wara li t-triq spiċċat tiżloq. Fil-fatt, għadu mhux ċar jekk kinitx il-karozza jew kienx il-mutur li skidja u li kawża ta’ dan, seħħ l-impatt bejn it-tnejn.

Minbarra tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-mara fil-post qabel ma ħadha l-Isptar għall-kura, fil-post waslu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li ħadu ħsieb jgħattu ż-żejt ħalli t-triq ma tibqax perikoluża.

Filwaqt li hu mifhum li l-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda feriti, il-kundizzjoni tal-mara għadha mhix magħrufa. Madankollu, minn informazzjoni li għandu NETnews.com.mt, hi ma tinsabx f’qagħda kritika.