Internazzjonali

Rebħa għall-Partit Popolari Spanjol imma l-inċertezza tkompli

Wara l-elezzjoni ġenerali bikrija tal-Ħadd, il-Partit Popolari kien ikkonfermat bħala l-partit bl-akbar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament Spanjol. Imma għal darb’oħra naqas li jikseb il-maġġoranza assoluta.
Il-Partit Soċjalista spiċċa fit-tieni post filwaqt li l-moviment xellugi Unidos Podemos u dak taċ-ċentru lemin Ciudadanos spiċċaw fit-tielet u raba’ post.
Iżda l-vot naqas li jkisser l-istaġnar politiku li kien hemm wara l-elezzjoni ta’ Diċembru imma Mariano Rajoy, il-Prim Ministru u kap tal-Partit Popolari, qal li kellu d-dritt jibqa’ fil-kariga.
Rajoy iżda qal li jittama li l-partiti politiċi jilħqu ftehim fi żmien xahar.
Il-Partit Popolari kiseb 137 siġġu fil-Parlament ta’ 350 siġġu – żieda ta’ 15-il siġġu minn dawk li kienu kisbu fl-elezzjoni ta’ Diċembru. Imma minkejja dan, il-Partit Popolari xorta se jħabbat wiċċu mal-istess sfidi li kellu f’Diċembru u se jkollu bżonn ta’ partiti oħra biex jikseb il-maġġoranza fil-Parlament.
L-elezzjoni tal-Ħadd saret wara li bir-riżultat ta’ Diċembru ma setax jintlaħaq qbil dwar il-Gvern ġdid u wara l-vot tal-Ħadd, xejn ma nbidel.