Unjoni Ewropea

DALGĦODU: Il-Parlament Ewropew jitlaqqa’ b’urġenza dwar ‘Brexit’

Mario Frendo minn Brussell

Dalgħodu mistennija ssir laqgħa straordinarja tal-plenarja tal-Parlament Ewropew, li qed jitlaqqa’ b’urġenza fi Brussell.

Normalment, is-sessjonijiet tal-plenarja tal-Parlament Ewropew isiru fi Strassburgu, iżda l-Parlament Ewropew illum se jitlaqqa’ biex jivvota fuq mozzjoni għal reżoluzzjoni fid-dawl tar-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit.

Fir-riżoluzzjoni, li tressqet mill-mexxejja tal-partiti politiċi kollha fil-Parlament Ewropew, se ssir sejħa biex qabel jitlaqqa’ l-Kunsill Ewropew illejla, il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron jinnotifika b’mod uffiċjali lill-Unjoni Ewropea dwar l-eżitu tar-referendum.

Mingħajr din in-notifika uffiċjali, ma tkunx tista’ tibda l-proċedura ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew se jkun qed iwissi biex in-notifika formali ssir minnufih bil-għan li ma tinħoloqx inċertezza li tagħmel ħsara lil kulħadd.

Dan fid-dawl tad-dikjarazzjoni li saret minn David Cameron stess dakinhar li tħabbar ir-riżultat, fejn ħabbar li ma kienx se jinvoka Artiklu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropewa. Ħabbar ukoll li dan se jħallih f’idejn is-suċċessur tiegħu wara li ħabbar li se jkun qed jirriżenja.

Artiklu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea jitkellem dwar il-proċedura li pajjiż tal-Unjoni Ewropea għandu jaddotta biex ikun jista’ joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

X’inhu Artiklu 50? Għaliex huwa importanti ħafna? Agħfas hawn għal aktar informazzjoni.

Fir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew mistenni jiddikkjara li x-xewqa tal-poplu Brittaniku għandha tiġi rispettata kompletament u bis-sħiħ billi jkun attivat l-Artiklu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

Madanakollu, l-Parlament Ewropew mistenni jwissi wkoll li kwalunkwe relazzjoni ġdida bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi miftiehma qabel ma jkun ġie konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ.

Illum fi Brussell

10am – Sessjoni straordinarja tal-plenarja tal-Parlament Ewropew biex tkun diskussa mozzjoni għal reżoluzzjoni dwar Brexit u t-triq ‘il quddiem skont l-opinjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej.

1pm – Summit tal-Partit Popolari Ewropew bi preparazzjoni għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew – mistenni jattendi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil

4pm – Tibda l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li fiha jiltaqgħu il-mexxejja tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron. Fis-7pm ssir ikla għall-mexxejja li matulha ssir diskussjoni informali dwar ‘Brexit’. Din l-ewwel darba li se jiltaqgħu il-mexxejja Ewropej kollha f’daqqa mir-referendum fir-Renju Unit ‘l hawn.