Ambjent Lokali

Jitħabbru l-ewwel Zoni Marittimi ta’ Protezzjoni Speċjali f’Malta

BirdLife Malta ttemm b’suċċess il-Proġett LIFE+ għall-Għasafar tal-Baħar ta’ Malta

Malta u Għawdex issa għandhom l-ewwel tmien Zoni Marittimi ta’ Protezzjoni Speċjali (marine Special Protection Areas, SPAs) bħala parti min-netwerk Natura 2000 mifrux mal-Ewropa kollha li jfisser li l-għasafar tal-baħar ta’ Malta issa jgawdu minn protezzjoni sħiħa sew fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.

Dawn iz-zoni kienu approvati mill-Gvern Malti u ddikjarati bħala l-ewwel SPAs tal-gżejjer Maltin wara li l-Kummissjoni Ewropea tat il-kunsens tagħha. Is-siti ġew identifikati minn BirdLife Malta bis-saħħa tal-Proġett LIFE+ għall-Għasafar tal-Baħar ta’ Malta (LIFE+ Malta Seabird Project) li l-għeluq uffiċjali tiegħu sar illum permezz ta’ konferenza li saret f’lukanda fiċ-Ċirkewwa.

In-netwerk Natura 2000 tal-Unjoni Ewropea li minnu issa jiffurmaw parti dawn it-tmien Zoni Marittimi ta’ Protezzjoni Speċjali għall-għasafar hu essenzjali għall-ħarsien u l-għajxien fit-tul tal-wirt naturali tal-Ewropa, fuq l-art u fil-baħar.

Tul il-ħames snin ta’ dan il-proġett parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-UE (Settembru 2011-Ġunju 2016), ir-riċerkaturi ta’ BirdLife Malta identifikaw l-aktar siti importanti fil-baħar iffrekwentati mill-għasafar tal-baħar magħrufin bħala Zoni Importanti għall-Għasafar (Important Bird Areas, IBAs) u pproponew lill-gvern li dawn jingħataw protezzjoni legali u jiġu mmaniġġjati bħala SPAs.

Dan għandu jwassal biex jiġu mħarsa t-tliet speċi ta’ għasafar tal-baħar protetti f’Malta li n-numri tagħhom qed jonqsu – il-Garnija (Yelkouan Shearwater), iċ-Ċiefa (Scopoli’s Shearwater) u l-Kanġu ta’ Filfla (European Storm-petrels). Dan għandu importanza globali għax fil-Gżejjer Maltin insibu 10% tal-popolazzjoni dinjija tal-Garnija (Puffinus yelkouan), 3% taċ-Ċief (Calonectris diomedea diomedea) u 50% tal-popolazzjoni dinjija tas-sottospeċi Mediterranja tal-Kanġu ta’ Filfla (Hydrobates pelagicus melitensis).

Il-proposta tal-esperti ta’ BirdLife Malta kienet adottata – fuq livell ta’ kabinett – f’April li għadda u dan wassal biex illum Malta għandha l-ewwel zoni marittimi protetti speċifikament għall-għasafar. B’dan, Malta se tkun qed tonora wkoll l-obbligi tagħha fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar.

Din id-direttiva tistabbilixxi netwerk ta’ Zoni Marittimi ta’ Protezzjoni Speċjali madwar l-Ewropa biex jiġi mħares il-ħabitat naturali ta’ speċi tal-passa li jinsabu f’periklu. L-ispeċi tal-għasafar tal-baħar fil-mira tal-LIFE+ Malta Seabird Project it-tlieta li huma, huma kklassifikati taħt Anness I tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.

Anness I jiġbor fih speċi li jinsabu mhedda u li għalihom kull stat membru tal-UE hu obbligat li jistabbilixxi Zoni Marittimi ta’ Protezzjoni Speċjali (SPAs) biex jiżgura s-sopravivenza tagħhom.

Gvernijiet tal-UE normalment jistabbilixxu dawn l-SPAs abbażi taz-Zoni Importanti għall-Għasafar (IBAs) rikonoxxuti minn BirdLife International wara li jkunu saru studji xjentifiċi biex ikun skopert liema siti huma kruċjali għal dawn l-għasafar. Malta hi fost il-ftit pajjiżi tal-UE li qed tagħti protezzjoni legali lil 100% tal-inventarju tal-IBAs li ġew proposti. Mill-1994 ’l hawn, l-SPAs kollha bdew jingħataw ukoll awtomatikament l-istatus ta’ Natura 2000.

Il-pass li jmiss issa hu l-ħolqien u l-implimentazzjoni, mill-awtoritajiet Maltin, ta’ pjanijiet għall-immaniġġjar (management plans) tas-siti marittimi protetti kollha li eventwalment iridu jiġu mħarsa biex ikun żgurat li l-għasafar tal-baħar u l-kumplament tal-ħajja marittima ma jiġux imfixkla. Irid ikun aċċertat ukoll li dawn is-siti jkollhom Status Ambjentali Tajjeb (Good Environmental Status) sas-sena 2020 – jiġifieri li jkollhom diversità bijoloġika, li jinżammu nodfa u li jintużaw b’mod sostenibbli.

L-investiment fil-LIFE+ Malta Seabird Project kien jammonta għal €870,000 li nofshom kienu fondi Ewropej mill-LIFE unit tal-Unjoni Ewropea. Biex twettaq il-proġett, BirdLife Malta ngħaqdet ma’ tliet imsieħba oħra – ir-Royal Society for the Protection of Birds (RSPB) tar-Renju Unit, is-Sociedade Portuguesa para o Estudo das Aves (Portuguese Society for the Study of Birds, SPEA) u l-Ministeru tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ta’ Malta li kien ukoll kofinanzjatur tal-proġett.

Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella jirringrazzja lil BirdLife Malta u l-imsieħba tagħha
Il-qofol tal-konferenza tal-għeluq b’suċċess tal-proġett fil-lukanda Paradise Bay Resort intlaħaq bit-tħabbir uffiċjali tal-SPAs u l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-proġett. Il-konferenza nfetħet mill-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera waqt li l-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Karmenu Vella – f’messaġġ irrekordjat – iddeskriva l-proġett bħala kisba importanti li għandha tiġi ċċelebrata u eżempju prattiku tar-riżultat li jinkiseb meta jkun hemm kollaborazzjoni bejn imsieħba differenti.

Hu spjega li Malta għandha ħabitats importanti tal-għasafar li għandhom jiġu mħarsa u li huma ċentrali għan-netwerk Natura 2000 li ddeskrivieh bħala għodda vitali li però tista’ taħdem biss jekk kull stat membru tal-UE jagħmel il-parti tiegħu.

“Kien għalhekk li f’April li għadda Malta ddikjarat tmien siti marittimi bħala zoni protetti li l-Unjoni Ewropea bħalissa qed teżaminahom biex tara jekk jilħqux il-kriterji ta’ Natura 2000. Bi pjaċir, però, niddikjara li l-affarijiet mexjin ’il quddiem. Minn dan il-proġett nistgħu nieħdu ħafna tagħlimiet għax juri x’jista’ jinkiseb meta l-għajnuna finanzjarja minn fondi Ewropej tikkumplimenta l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ persuni li verament juru passjoni u jemmnu f’dak li jkunu qed jagħmlu,” stqarr il-Kummissarju Vella.

Il-Kummissarju Ewropew kompla jgħid li t-telf tal-bijodiversità hu problema mifruxa mal-Ewropa kollha, u s-soluzzjoni għal dan tista’ tinkiseb bis-saħħa tan-netwerk Natura 2000 li wkoll hu mifrux mal-istati membri kollha.

“Bil-ħidma siewja ta’ BirdLife Malta u l-imsieħba tagħha, din il-problema qed tiġi indirizzata u l-wirt naturali qed jiġi mħares,” insista l-Kummissarju tal-UE waqt li appella għal aktar kollaborazzjoni internazzjonali biex l-għasafar tal-baħar jiġu protetti u awgura li l-proġett ġdid ta’ BirdLife Malta LIFE Arċipelagu Garnija jkollu l-istess suċċess.

Il-messaġġ ta’ Karmenu Vella kien segwit minn spjegazzjoni tal-proġett LIFE+ għall-Għasafar tal-Baħar ta’ Malta mill-Project Manager Nicholas Barbara u preżentazzjoni teknika u xjentifika dwar il-ħidma li saret tul il-ħames snin tal-proġett mill-membri tat-tim ta’ riċerkaturi Dr Benjamin Metzger, li mexxa l-aspett tar-riċerka; u Paulo Lago Barreiro li assista fil-finalizzazzjoni tal-proċess ta’ identifikazzjoni tal-IBAs.

Wara li saret preżentazzjoni minn Margaret Cassar; Direttur (Policy Development and Programme Implementation) fil-Ministeru tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima; uffiċjali ta’ BirdLife Malta spjegaw il-passi li jmiss biex jiġu attwati l-konklużjonijiet tal-proġett.

Imbagħad il-konferenza ġiet fi tmiemha b’messaġġi qosra mill-imsieħba lokali u internazzjonali, fosthom mill-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima.

3 proġetti dwar l-għasafar tal-baħar fi spazju ta’ 15-il sena
B’mod kronoloġiku, il-LIFE+ Malta Seabird Project hu t-tieni minn tliet proġetti relatati mal-għasafar tal-baħar ta’ Malta mmexxija minn BirdLife Malta u l-imsieħba internazzjonali tagħha fuq firxa ta’ ħmistax-il sena – kollha kemm huma kofinanzjati minn fondi tal-programm LIFE tal-UE.

L-ewwel wieħed kien il-LIFE Yelkouan Shearwater Project (2006-2010) li ffoka fuq il-konservazzjoni u r-riċerka kif ukoll biex iqajjem kuxjenza dwar il-Garnija b’enfasi speċjali fuq l-ikbar kolonja ta’ din l-ispeċi f’Malta li tinsab fl-Irdum tal-Madonna fil-Mellieħa.

Il-LIFE+ Malta Seabird Project (2011-2016) li issa ġie fi tmiemu, għamel użu minn riċerka estensiva u innovattiva biex jidentifika l-aktar siti importanti fil-baħar għall-għasafar tal-baħar ta’ Malta u ħoloq inventarju ta’ Important Bird Areas (IBAs) biex jiġu protetti legalment wara li issa ġew iddikjarati bħala Special Protection Areas (SPAs). Dan it-tieni proġett studja t-tliet speċi protetti ta’ għasafar tal-baħar li għandna f’Malta.

It-tielet proġett, LIFE Arċipelagu Garnija (2015-2020), għadu kif ġie mniedi minn BirdLife Malta u jikkumplimenta lill-ewwel tnejn. Se jibni fuq dak li skoprew il-proġetti ta’ qablu bil-mira prinċipali li jagħmel mill-Gżejjer Maltin santwarju tal-Garnija. Dan billi wara li jifhem b’mod preċiż fejn tinsab din l-ispeċi, janalizza t-theddid speċifiku li dawn l-għasafar jiffaċċjaw fis-siti fejn qed ibejtu. Imbagħad, bi djalogu dirett mad-diversi msieħba bħalma huma s-sajjieda, l-operaturi tad-dgħajjes, policy makers u anke mal-pubbliku inġenerali, il-proġett se jħeġġeġ bidla fl-attitudni ta’ kulħadd biex jelimina b’mod sinifikanti l-perikli għal dawn l-għasafar tal-baħar.