Iċ-Chairman ta’ Malta Enterprise Mario Vella mistenni jinħatar bħala l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Dan tħabbar fi stqarrija uffiċjali tal-Gvern li fiha tħabbar li l-Prim Ministru ta parir lill-President ta’ Malta biex taħtar lil Vella.
Mario Vella hu ekonomista u okkupa diversi karigi fil-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp u iktar tard, Malta Enterprise. Fi snin disgħin hu kien ukoll President tal-Partit Laburista.
Fl-istqarrija, il-Prim Ministru rringrazzja lill-Professur Josef Bonnici li serva lill-pajjiż b’mod eċċellenti, kemm fil-kariga attwali kif ukoll meta serva bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u bħala Ministru.
L-għażla oriġinali tal-Gvern kienet ta’ Alfred Mifsud, eks-chairman tal-media Laburista u attwalment Deputat Gvernatur Ġenerali. Iżda meta feġġew allegazzjonijiet li xxaħħam b’eluf ta’ liri Maltin biex ibiddel is-sistema tal-IT meta kien chairman tal-Mid Med Bank, wasslu biex Mifsud jikkomunika li m’għandux jibqa’ jitqies għal din il-kariga.
In-nomina ta’ Mario Vella għandha tmur quddiem Kumitat Parlamentari biex jiskrutinizza l-kredenzjali tiegħu – il-PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista nsista li jsir smiegħ quddiem il-Kumitat Parlamentari biex jiġi aċċertat jekk Mario Vella għandux il-kwalifiċi meħtieġa ħalli jmexxi istituzzjoni kruċjali bħall-Bank Ċentrali tal-pajjiż.
Il-Partit Nazzjonalista kompla li minflok ħa l-okkażjoni biex ipoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel fil-ħatra ta’ kariga ta’ importanza nazzjonali, il-Prim Ministru donnu reġa’ għażel l-interess partiġġjan.
Il-kariga ta’ Gvernatur, kompliet l-istqarrija, titlob li l-persuna jkollha l-indipendenza meħtieġa mill-Gvern tal-ġurnata biex jekk hemm bżonn, jikkritika u jixpruna lill-Gvern ħalli jagħmel ċerti bidliet u biex fil-pajjiż ikun hemm iċ-‘checks and balances’ meħtieġa fil-politika ekonomika u fiskali.
L-Oppożizzjoni ilha żmien twil tgħid li ċerti ħatriet jixirqilhom kunsens b’żewġ terzi fil-Parlament jew almenu li l-persuna nnominata tattendi smigħ quddiem Kumitat Parlamentari qabel din tinħatar.
Il-Partit Nazzjonalista tenna li l-konvinzjoni li f’pajjiżna jista’ jkun hemm qbil fuq isem ta’ persuna li tgawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat, fosthom Rene Saliba, li għamel żmien twil fil-Bank Ċentrali u kien maħtur mill-Gvern bħala Chairman tal-Kunsill Fiskali, liema nomina kienet appoġġjata mill-Oppożizzjoni.
L-istqarrija temmet tgħid li madankollu, għal darb’oħra, il-Prim Ministru poġġa l-interess partiġġjan qabel l-interess nazzjonali.
//= $special ?>