Internazzjonali

Miet l-attur Bud Spencer tas-‘spaghetti westerns’

L-attur Taljan Bud Spencer, li tul is-snin kiseb fama internazzjonali għall-interpretazzjonijiet tiegħu f’sensiela ta’ spaghetti westerns, miet f’Ruma, fl-età ta’ 86 sena.

Mewtu kienet ikkonfermata tard fil-lejl tat-Tnejn u mal-ewwel bdew deħlin il-messaġġi ta’ niket u simpatija, fosthom tweet mingħand il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, li rrimarka ‘kemm in-nies kienu jħobbu lill-attur’.

Spencer, li ismu proprju kien Carlo Pedersoli, kien famuż bħala ‘il-ġgant ta’ qalbu tajba’, b’mod partikulari minħabba t-tip ta’ karattri li kien jinterpreta. Hu kien ukoll għawwiem professjonali.

Bud Spencer kellu anki reputazzjoni tajba bħala direttur tal-films, iżda jibqa’ mfakkar l-aktar bħala l-ispalla tal-attur Terence Hill (Taljan li l-isem proprju tiegħu hu Mario Girotti) f’numru ta’ westerns ibbażati fuq l-aspett komiku u li jinkludu l-films They Call Me Trinity u Trinity Is Still My Name.

Films oħrajn famużi ta’ Spencer (fejn jispikka wkoll sieħbu Terence Hill) huma Double Trouble, Go For It, Ace High, Banana Joe, Watch Out We’re Mad u A Friend Is a Treasure.

Il-mibki attur qal li kien għażel l-isem Bud Spencer bħala forma ta’ tislima lill-birra favorita tiegħu, Budwieser, u lill-attur Amerikan Spencer Tracy.