Lokali Unjoni Ewropea

Simon Busuttil jasal is-summit tal-PPE: “Jien qiegħed hawn fl-interess nazzjonali”

Mario Frendo minn Brussell
Ritratt fuq u filmat: Roberto Runza

“L-interess tiegħi huwa li Malta tibqa’ f’Unjoni Ewropea b’saħħitha u magħquda; l-interess tiegħi huwa l-interess nazzjonali”. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan mal-wasla tiegħu għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li qed isir fi Brussell.

Is-summit tal-PPE qed isir bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir aktar tard waranofsinhar. Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew se jiltaqgħu il-kapijiet tal-istati membri għall-ewwel darba mir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit ‘l hawn.

F’kummenti lill-ġurnalisti mal-wasla tiegħu għas-summit, Simon Busuttil qal li wieħed jistenna li wara r-riżultat tar-referendum tinħass l-inċertezza, u sostna li għaldaqstant, l-interess tal-Partit Nazzjonalista waqt is-summit tal-PPE huwa li l-interess ta’ pajjiżna għandu jkun li Malta tibqa’ f’Unjoni b’saħħitha u magħquda.

“Irridu noqgħodu attenti li quddiem sitwazzjoni ta’ kriżi, ħadd ma jirreaġixxi b’mod mgħaġġel” sosna Simon Busuttil b’referenza għal sejħiet biex ir-Renju Unit tibda minnufih il-proċess biex toħroġ mill-Unjoni Ewropea wara r-riżultat tar-referendum. “Ir-reazzjonijiet tagħhna għandhom ikunu intelliġenti u maħsuba biex nuru li nistgħu ngħelbu din il-kriżi”.

“Ir-referendum għandu jiġi rrispettat, pero’ wieħed irid jagħti ċans għal riflessjoni, għax il-konsegwenzi huma kbar” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li żied “għalekk qegħdin hawn, biex inħarsu l-interess nazzjonali ta’ Malta”.

Ma’ NETnews.com.mt, Simon Busuttil esprima diżappunt li l-Gvern għadu ma rreaġixxa bl-eda mod għall-istedina ta’ koperazzjoni li saret mill-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument ta’ kriżi għall-Unjoni. “Il-Partit Nazzjonalista għandu kuntatti u esperjenzi kbar fuq livell Ewropew u għaldaqstant hija ta’ sfortuna li għaddew erbat ijiem u l-Gvern għadu ma rreaġixxa bl-ebda mod. Il-poplu għandu jkun magħqud,” temm jgħid Simon Busuttil.

Screen Shot 2016-06-28 at 1.15.07 PM