L-ewwel dibattitu tal-Parlament Ewropew dwar il-vot tar-Renju Unit biex iħalli l-UE kien karatterizzat b’tensjoni u battibekki ħorox. Dan wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, fetaħ is-sessjoni plenarja fil-Parlament u qal li l-Gvern Britanniku għandu ‘jiċċara l-pożizzjoni tiegħu’.
Is-sessjoni fi Brussell, bħalma mistenni, ikkonċentrat fuq il-Brexit u kienet preludju għas-summit ta’ jumejn li qed jibda bħalissa u fejn il-Mexxejja tal-UE qed jiltaqgħu għall-ewwel darba mindu l-Britanniċi temmew is-sħubija fl-Unjoni li kienet ilha mill-1973.
Il-Kap tal-Partit UKIP, Nigel Farage, protagonista fil-kampanja Leave li rebħet ir-referendum ta’ jiem ilu fir-Renju Unit, kien suġġett għall-ibbujar filwaqt li mgħajjar bħala ‘bniedem qarrieqi’. Min-naħa tiegħu, Farage wieġeb, fost oħrajn, li l-Unjoni Ewropea innfisha ‘mhix taċċetta r-realtà’ bħala proġett politiku.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron jinsab fi Brussell għall-ewwel laqgħa mal-Mexxejja tal-UE mindu pajjiżu daħal għall-vot storiku tal-Ħamis. Cameron se jirriżenja minn Prim Ministru f’Ottubru u għandu jħalli f’idejn is-suċċessur biex jattiva l-proċess formali li jippermetti biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni u jmexxi n-negozjati relatati.
Il-Parlament Ewropew, intant, ivvota favur mozzjoni li tħeġġeġ biex ir-Renju Unit jattiva l-proċess b’mod immedjat bl-implimentazzjoni ta’ Artiklu 50.
Waqt id-dibattitu tallum, Juncker qal li r-rieda tal-Britanniċi trid tkun rispettata u staqsa ‘għalfejn Farage kien preżenti fil-Parlament’ fost l-applawż ta’ diversi MEPs.
Juncker anki akkuża lil Farage li gideb lin-nies meta qal li l-kontribuzzjonijiet tar-Renju Unit lill-UE kellhom, ‘il quddiem, jiffinanzjaw is-servizzi tas-saħħa ta’ pajjiżu.
Min-naħa tiegħu, l-eks Prim Ministru tal-Belġju, Guy Verhofstadt, li jmexxi lill-grupp tal-Liberali fil-Parlament Ewropew, sostna li Farage uża ‘propaganda Nażista’ fil-kampanja tiegħu.
Id-dibattitu jaħraq kompla fuq l-istess vena fejn ma naqsux l-akkużi reċiproki, jiem wara l-vot storiku tar-Renju Unit.
Ħafna MEPs esprimew niket talli l-UE qed titlef lir-Renju Unit iżda spikka wkoll is-sens ta’ sfida u tħassib dwar il-futur, fost sejħiet għall-għaqda u r-riforma, kif ukoll għall-ħtieġa ta’ konnessjoni aħjar bejn l-Unjoni u ċ-ċittadin Ewropew.
Manfred Weber, iċ-chairman tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), qal li ‘spiċċa ż-żmien li wieħed iċedi u jipprova jogħġob ix-xewqat ta’ xi ħadd partikulari biex l-affarijiet jikkalmaw’. Weber anki insista li wieħed, illum, ‘irid jiddefendi l-Proġett Ewropew’.
Sadanittant, il-Kanċiller tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet, waqt diskors fil-Parlament ta’ Berlin, li ‘l-UE hi b’saħħitha biżżejjed biex tkompli għaddejja mingħajr ir-Renju Unit’. Hi kompliet li tirrispetta r-riżultat tar-referendum iżda wissiet li l-UE ma tittollerax ‘li l-Britanniċi jagħżlu dak li jaqblilhom biss’ fin-negozjati futuri.
Dawn kienu l-aktar kummenti ‘ħorox’ ta’ Merkel s’issa, fost tħassib fil-Gvern tal-Ġermanja li Stati membri oħra tal-UE jistgħu ‘jsegwu l-eżempju tar-Renju Unit’.
//= $special ?>