Lokali Qorti

Jitressaq il-Qorti wara sejba ta’ aktar minn kilo kannabis, arma tan-nar u €20,000 fi flus kontanti

Tressaq il-Qorti, Nicholas Vella, li nhar it-Tlieta inqabad b’pussess ta’ aktar minn kilo sustanza suspettata raża tal-kannabis u madwar 100 gramma ta’ sustanza suspettata kannabis, flimkien ma’ arma tan-nar u madwar €20,000 fi flus kontanti ġewwa garaxx fl-Imsida.

Ir-raġel ta’ 30 sena minn Pembroke, quddiem il-Qorti stqarr li m’huwiex ħati għall-allegazzjonijiet miġjuba kontrih. Matul il-proċeduri għall-ħelsien proviżorju, id-difiża tal-akkużat irrimarkat li waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija Nicolas Vella identifika s-sid tal-konsenja tad-droga.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien proviżorju minħabba li l-allegazzjonijiet u l-provi miġjuba kontra l-imputat huma waħda ta’ natura serja, filwaqt li stqarret li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar is-sors tas-somma tal-flus misjuba.

Il-Maġistrat Monica Vella tat il-liberta’ proviżorja lil Nicholas Vella b’depożitu ta’ €7,000 u garanzija personal ta’ €15,000. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-akkużat ma jsitax joħroġ barra mir-residenza tiegħu bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu, filwaqt li jirrapporta tlett darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija.

Il-Qorti aċċettat it-talba tal-prosekutur li jifriżaw l-assi tal-akkużat. L-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta dehru f’isem l-akkużat.