Lokali Qorti

Jolqot Pulizija bil-karozza biex ma jobdix id-direzzjoni tat-traffiku

Tressaq il-Qorti raġel minn Naxxar li fil-lejl ta’ l-Isle of MTV, irrifjuta li jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Pulzija tat-traffiku u laqat lill-Pulizija bil-mera tal-karozza tiegħu. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha kkonfiskat il-karozza tal-akkużat, u weħlet lil Nicola Maurizio Gatti multa ta’ €6,000 u sentenza ta’ ħabs sospiża.

L-inċident seħħ għal ħabta ta’ nofsillejl viċin Bieb il-Bombi fil-Furjana. Skont ix-xhieda tal-Ispettur Sergio Pisani, r-raġel ta’ 53 sena oppona l-istruzzjonijiet li l-Pulizija qallu biex isegwi, u minflok saq fuq l-istess Pulizija dan kollu sabiex jiġbor lit-tifel tiegħu minn quddiem l-lukanda Phoenicia. Wara, l-Pulizija arrestaw lil Nicola Maurizio Gatti fit-terminus tal-Belt Valletta.

Il-prosekuzzjoni rrimarkat li kieku l-Pulizija ma resaqx minn quddiem il-karozza, il-Pulizija kien iweġġa’ aktar. Minkejja dan, l-akkużat stqarr li m’huwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Maġistrat Monica Vella kkundannat lill-imputat għal tnax-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn, u multa ta’ €6,000 li jitħallsu fi 36 xahar. Il-Qorti issospendiet il-liċenzja tas-sewqan lil Nicola Maurizio Gatti għal sitt xhur.

Yanika Bugeja dehret f’isem l-imputat.