Ewropa

“Qed inqisu r-Renju Unit bħala third country”

In-negozjati għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Renju Unit għandhom jibdew mingħajr ittardjar żejjed, għalkemm huwa ċar li se jibdew wara s-Sajf. L-UE qed tgħid li r-Renju Unit kien sieħeb ewlieni – iżda issa se jkun meqjus bħala “third country”.

Dawn huma l-konklużjonijiet li joħorġu mis-summit Ewropew li ġie fi tmiemu illum, fejn intqal illi bil-ftehim il-ġdid ir-Renju Unit mhux se jkollu aċċess sħiħ għas-suq komuni, sakemm ma jaċċettax il-moviment ħieles tal-persuni.

F’kummenti lill-media fi tmiem il-laqgħat tal-lum, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi d-diskussjonijiet tal-lum kienu ewro-realistiċi.

Muscat spjega illi issa se jibda proġess fejn il-Kunsill Ewropew se joħloq linji gwida dwar dawn in-negozjati mar-Renju Unit, iżda n-negozjati propja se jitmexxew mill-Kummissjoni Ewropa.